Il-Ġimgħa filgħaxija tħabbru t-tnax-il finalist li se jikkompetu fl-edizzjoni li jmiss tal-Malta Eurovision Song Contest.
B’wieħed minn dawn il-finalisti se jkun qed jirrappreżenta imbagħad lil pajjiżna f’dan l-avveniment li jsegwuh miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja u li din is-sena se jsir fil-Belt ta’ Malmö, l-Iżvezja f’Mejju li ġej. Dan wara li s-sena l-oħra rebħet din il-kompetizzjoni prestiġjuża tal-Eurovision Song Contest, il-kantanta Loreen, bil-kanzunetta Tattoo.
It-tnax-il finalist, kienu parti mis-36 semifinalist, li l-kanzunetti tagħhom smajnihom għall-ewwel darba fuq l-istazzjon nazzjonali u fuq il-midja soċjali fil-ġimgħat li għaddew.
Fis-serata tal-ġimgħa filgħaxija, fejn fiha saret l-eliminazzjoni ta’ 22 kontestant, il-pubbliku seta’ jivvota permezz ta’ SMS għall-kanzunetta favorita tiegħu. Kull persuna setgħet tivvota għall-istess kanzunetta darba.
Il-finalisti huma: Miriana Conte, Greta Tude, Haley, il-grupp Erba’, iż-żewġ Għawdxin Denise u Sarah Bonnici, Gail, Janvil, Ryan Hili, Nathan, Matt Blxck u Lisa Gauci.
Bir-regoli ġodda ta’ din is-sena, it-12-il finalist issa se jkunu qed jingħataw ħamest elef ewro biex jipproduċu vidjow mużikali u li permezz tiegħu se jkunu qed jikkompetu għall-aħħar fażi tal-Malta Eurovision Song Contest.
Sadanittant ta’ min ifakkar kif b’rabta mal-istess suġġett, nhar il-Ħadd li ġej Yulan Law se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-21 edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest li qed isir f’Nizza, Franza.