Fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jinfetħu skemi ġodda favur investimenti għall-enerġija rinovabbli.
Dan tħabbar it-Tlieta filgħaxija fil-Parlament hekk kif intemm it-tieni qari dwar l-Abbozz l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, mill-Ministru għall-Ambjent l-Enerġija u r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli.
Fil-fatt, il-Ministru Dalli rrimarkat kif il-Gvern se jkun qed iniedi dawn l-iskemi sabiex jinċentiva negozji u investituri sabiex jiżviluppaw sistemi ta’ enerġija rinovabbli f’pajjiżna.
“Nista’ nħabbar ukoll li ftit tal-jiem oħra se nniedu skemi ġodda ta’ investiment f’aktar sistemi ta’ enerġija rinovabbli għan-negozji u investituri f’Malta.”
Dan l-abbozz għadda mit-tieni qari u se jkun qed jgħaddi għal stadju ta’ kumitat propju jum wara li l-Parlament ukoll ikkonkluda t-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima, li permezz tiegħu se tkun qed titwaqqaf l-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima.
Fil-fatt, il-Ministru Miriam Dalli rrimarkat kif mal-mument li dawn iż-żewġ abbozzi ta’ liġijiet jgħaddu mill-Parlament, l-Awtorità l-ġdida tkun tista’ tittellaq b’mod spedit, hekk kif anke l-preparamenti b’rabta mat-twaqqif tagħha huma lesti.
Dwar l-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, il-Ministru Miriam Dalli sostniet li l-għan tagħha mhuwiex biss li taħdem favur it-tnaqqis tal-emmissjonijiet serra iżda li tixpruna inċentivi li jinkoraġixxu stil ta’ ħajja aktar san, inċentivi favur djar sostenibbli u finalment inċentivi ambjentali li jgħaqqdu l-komunitajiet.
Intant, il-Ministru fakkret fil-ħidma tal-Gvern li wasslet biex fost oħrajn minn kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ 10 megawatts minn enerġija rinovabbli fl-2012, illum pajjiżna jiġġenera aktar minn 230 megawatt minn enerġija rinovabbli.
Fakkret ukoll kif l-2023 kienet sena rekord f’dak li għadnu x’jaqsam immaniġġjar tal-iskart.
“Is-sena li għaddiet kienet sena rekord għall-Wasteserv, l-aħjar waħda f’dawn l-aħħar 20 sena u minkejja li kellna waħda mill-għola rati ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea rnexxielna nnaqqsu l-iskart li jispiċċa fil-landfills filwaqt li lħaqna livell rekord ta’ skart li jiġi riċiklat u anke ta’ skart organiku li umbagħad jinbidel f’enerġija nadifa.”