Il-Gvern ħabbar skemi ġodda li jinċentivaw l-użu tas-solar water heaters u l-heat pumps filwaqt li jwasslu għal kontijiet orħos.
Dan b’investiment ta’ €1 miljun.
Dan f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
L-iskemi li tħabbru, kollha jgħinu r-residenzi u l-familji jsaħħnu l-ilma b’mod effiċjenti madankollu fl-istess ħin jagħmlu dan b’mod sostenibbli.
Filfatt, il-Ministru Dalli spjegat kif l-iskema eżistenti tas-solar water heaters magħrufa wkoll bħala ‘Thermal Basic Scheme’, ġiet estiża.
B’hekk se tingħata għotja ta’ €700 għall-apparat b’garanzija ta’ 5 snin.
Sabiex tikkumplimenta din l-iskema żdiedet għajnuna oħra magħrufa bħala t-‘Thermal Premium Scheme’, li tkopri sistemi stainless steel ta’ ’l fuq minn 100 litru. Għal dan l-apparat se jingħataw massimu ta’ €1,400 sabiex tiġi koperta 75% tal-ispiża totali. Ser tingħata wkoll għotja oħra ta’ €500 biex il-garanzija fuq dawn is-sistema titla’ għal 10 snin.
Dr Dalli spjegat li l-użu ta’ dawn l-iskemi favur is-solar water heaters, jiffrankaw medja ta’ madwar 1,800 unit tad-dawl fis-sena lil kull residenza
Intant b’rabta mal-air to water heat pumps li jagħmlu użu mis-sħana fl-arja sabiex jittrasformawha f’enerġija u jsaħħnu l-ilma u l-arja, il-Ministru Dalli ħabbret skema bl-isem ta’ ‘Heat Pump Starter’ li se tagħti għotja massima ta’ €1,000 fuq l-ispiża sabiex tiġi koperta nofsha.
B’reazzjoni għal dawn il-miri, il-Ministru Miriam Dalli rrimarkat kemm se jkunu qed jiffrankaw il-familji Maltin u Għawdxin jekk jinvestu f’dan l-apparat.
Il-Ministru Dalli stqarret, “Mhijiex teknoloġija nadifa biss imma hija teknoloġija li lill-familji se trendilhom ħafna aktar grazzi għall-grants li qed nippreżentaw. Fil-fatt, qed nikkalkulaw li familja fuq temp ta’ sena tiffranka €2,160, b’return on investment ta’ 4 snin biss.”
Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif dawn fl-istess skemi se jgħinu lil pajjiżna lejn il-mixja favur il-ħelsien mill-karbonju sal-2050.
Madankollu, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif l-għan huwa li jintlaħqu wkoll il-miri intermedjarji li stabbilixxa l-Gvern sal-2030 u l-2040.
L-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi se jkunu qed jibdew jintlaqgħu online minn nhar it-Tnejn 26 ta’ April. Iktar informazzjoni dwar it-teknoloġiji u l-proċess ta’ applikazzjoni jinstab fuq is-sit www.rews.org.mt