Il-Gvern vara inizjattiva li permezz tagħha negozji jistgħu jirċievu inċentiv sa massimu ta’ €5,000 biex isirilhom proċess ta’ awditjar fuq l-enerġija.
Dan tħabbar f’konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli.
Fil-fatt, il-Ministru Dalli spjegat kif permezz ta’ din l-iskema offruta mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, in-negozji se jkunu jistgħu jifhmu aħjar minn fejn jistgħu jiffrankaw l-użu tal-enerġija biex l-operat tagħhom ikun aktar effiċjenti u jikkonsma anqas enerġija.
Permezz ta’ dan l-awditjar, l-intrapriżi se jkunu ggwidati wkoll għall-iskemi eżistenti li jistgħu jużaw.
Il-Ministru Dalli stqarret: “B’investiment ta’ €15-il miljun l-intrapriżi tagħna jistgħu jinvestu f’aktar apparati li huwa effiċċjenti mill-aspett ta’ enerġija, qegħdin noffru wkoll li jkun hemm ‘energy auditing’ biex il-kumpaniji jkunu jafu minn fejn jistgħu jiffrankaw u anke fejn bħalissa forsi qed jaħlu iktar.”
Waqt l-istess konferenza ntqal kif il-bank ukoll qed ikunu ta’ xprun favur il-qalba għal enerġija aktar effiċjenti u ħadra.
Dan permezz ta’ Green loans.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta Dr Gordan Cordina enfasizza l-importanza ta’ din l-għajnuna.
Dr Cordina spjega: “Il-banek għal daqstant qegħdin jidħlu f’dawn iċ-ċirkostanzi permezz ta’ għajnuniet fuq self li ħa jkunu qed jipprovdu biex jgħinu l-inizjattivi pożittivi li qed jittieħdu mill-Gvern biex jgħinu n-negozju f’dan is-settur. Tajjeb ngħidu wkoll li f’numru minn dawn l-inizjattivi, il-banek se jkunu minn ta’ quddiem u innovattivi fuq livell ewropew fit-tip ta’ għajnuniet li se jkunu qed jagħtu lin-negozji.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb, il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela wkoll indirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-binja tal-Valletta Design Cluster.
Huma saħqu dwar l-importanza li l-intrapriżi jkunu ggwidati sabiex jagħmlu investiment aktar sostenibbli. Huma faħħru l-fatt li ġew miġbura numru ta’ inizjattivi flimkien, għax dan se jgħin lin-negozji jagħmlu dan l-investiment.