Mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela ħabbret is-sitt dixxiplini sportivi li se jikkompetu fihom kważi 1,000 atleta minn aktar minn 25 pajjiż, fi Special Olympics.
Dawn il-logħob se jsiru f’Malta, f’nofs Mejju li ġej.
Mart il-Prim Ministru ltaqgħet mal-coaches tal-atleti Maltin, 200 jum biss ’il bogħod mindu jibdew il-logħob fi ħdan din il-kompetizzjoni.
Fil-fatt, Dr Lydia Abela ħabbret li s-sitt dixxiplini huma l-futbol, l-atletika, bocce, tenpin bowling, table tennis u l-għawm.
Dr Abela qalet ukoll li t-taħriġ li qed joffru l-coaches tal-atleti Maltin hu mfassal professjonalment skont il-karatteristiċi ta’ kull individwu u jawgura tajjeb biex l-atleti mhux biss jieħdu gost fil-logħob iżda jkunu fost l-aqwa.
Hija stqarret: “Il-coaches ta’ Special Olympics, jaħdmu fuq programmi speċjalizzati għal kull individwu fejn b’dik il-ħidma tagħhom joħorġu l-abbiltajiet kollha tal-atleti tagħna. Dan ix-xogħol tal-kowċis flimkien mal-atleti u flimkien mal-organizzazzjoni kollha ta’ Special Olympics twassal għal riżultati sbieħ fejn naraw l-abbiltajiet ta’ kull persuna.”
Anna Calleja, id-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta stiednet lill-coaches kwalifikati u voluntiera biex jissieħbu fil-vjaġġ lejn il-logħob f’Malta u jkunu ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabilità biex dawn jgħarrfu u jiffukaw fuq l-abiltajiet tagħhom.
Hija spjegat: “Bħalissa ngħoddu mal-40 kowċ f’etajiet varji min hu żgħir u min hu kbir. Min għandu esperjenzi f’ċerti oqsma u qed iħarrġu minn 600 atleta bħalissa.”
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-logħob ta’ Mejju f’Malta, Oliver Scicluna rringazzja lill-coaches u qal li t-tħejjijiet mexjin b’ritmu tajjeb ħafna biex il-logħob ikun mument ta’ għaqda u ċelebrazzjoni ta’ inklużjoni.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport u l-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima kienu preżenti għall-attività.