Waqt ċerimonja, tħabbru r-rebbieħa tal-Youth Empowerment Awards.
Dawn il-premji, li huma konformi mal-ħidma tal-Gvern fl-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, jirrikonoxxu l-impenn u d-dedikazzjoni li l-għaqdiet taż-żgħażagħ joffru sabiex jipprovdu opportunitajiet għaż-żgħażagħ.
Din l-inizjattiva ġiet organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU u bl-għajnuna tal-fondi mill-pjattaforma Eurodesk.
Fost dawk li rebħu premju kien hemm l-għaqda tal-Malti tal-Università li klassifikat fl-ewwel post fil-Youth-Friendly Information Award. Dwar dan propju tkellimna Klara Vassallo, li hija uffiċjal tal-relazzjonijiet pubbliċi fi ħdan din l-għaqda.
“L-għaqda tal-Malti tal-Università jirnexxilna tibbenefikaw minn dawn l-għotijiet għax huma ovjament monitarji. Aħna bħala għaqda żgħira diffiċli ħafna għalina li nkomplu għaddejjin, anke għaliex il-bażi tal-istudent tal-Malti hija żgħira ħafna. Pero fl-istess waqt huma tajjeb awards bħal dawn li jirikonoxxu l-ħidmet għaqdiet żgħar.”
Tkellimna wkoll ma’ Elston Mamo li jirrappreżenta l-assoċjazzjoni tal-lingwistika u lingwa teknoloġika.
“Dawn l-awards huma importanti ħafna. Nixtieq nirringrazzja lil-Aġenżija Żgħażagħ u l-KSU talli ħarġu b’din l-inizjattiva. Dawn l-awards huma importanti għaliex għaqdiet bħalna ngħidu li din hija opportunità biex insemma leħni u biex nkomplu nagħmlu l-esperjenzi tagħna.”
F’diskors waqt iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, irrikonoxxa l-kontribuzzjonijiet eċċezzjonali ta’ diversi individwi u għaqdiet taż-żgħażagħ u l-impatt pożittiv li jħallu fis-soċjetà tagħna.
Huwa spjega liż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern, u spjega li dawn il-Youth Empowerment Awards isaħħu l-impenn tagħna favur iż-żgħażagħ fejn qed inkomplu noffru appoġġ lill-għaqdiet taż-żgħażagħ.
Huwa temm jgħid li dawn il-premjijiet jirrappreżentaw rikonoxximent tal-impatt li l-għaqdiet taż-żgħażagħ kellhom fuq sħabhom, fl-università u fil-komunità, u huma sejħa biex ikomplu jesploraw ideat ġodda u jkomplu jagħmlu differenza pożittiva.