F’ċelebrazzjoni ta’ inklużjoni u abbiltajiet differenti, tħabbru r-rebbieħa tal-Premju Soċjetà Ġusta.
Jacob Cachia rebaħ dan il-premju u ġie deskritt bħala sors ta’ motivazzjoni u pożittività.
Jacob imexxi kafetterija li tara parti mid-dħul, imur għall-għaqda mhux governattiva ‘Jacob Survivors Malta’, li tgħin familji li jkunu għaddew minn xi trawma.
Huwa stqarr, “Nixtieq li kulħadd iħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv u jipprova jagħmel azzjoni żgħira jew kbira fis-soċjetà biex joħloq soċjetà iktar aħjar milli għandna issa u milli kellna fil-passat hawn Malta.”
Il-Membru Parlamentari Oliver Scicluna, ingħata l-premju għall-Kisba Tul il-Ħajja fis-settur tad-diżabilità.
Scicluna saħaq, “Għalkemm ma taħdimx biex tieħu award però xorta tapprezza dak il-ġest u fl-istess ħin jagħtik iżjed enerġija biex tkompli taħdem f’dan il-qasam u f’oqsma varji oħrajn.”
In-Nursery taż-Żgħażagħ tal-klabb tal-futbol Żebbuġ Rangers ingħatat il-Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport. Il-kowċ Darren Scicluna spjega l-ħidma b’risq tfal bl-awtiżmu.
Huwa stqarr, “Bdejna proġett sena u nofs, sentejn ilu ma’ dawn it-tfal tal-awtiżmu, ma kellhomx fejn imorru għat-taħriġ u aħna bdejna minn qalbna nagħtuhom it-taħriġ. Rajna progress kbir fihom dawn it-tfal u bqajna għaddejjin bih.”
Il-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet b’risq Persuni b’Diżabilità, l-MFOPD ingħatat il-Premju għall-Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, filwaqt li l-grupp Farsons rebaħ il-Premju għall-Iktar Post tax-Xogħol Inklussiv.
F’messaġġ virtwali, il-President ta’ Malta George Vella saħaq li huwa obbligu tagħna li naraw li jitwarrab kull xkiel li jista’ ma jħallix persuna b’diżabilità tħossha li tifforma parti mis-soċjetà.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli ddedikat din iċ-ċelebrazzjoni lill-eluf ta’ ħaddiema li ta’ kuljum fis-silenzju jaħdmu b’tant għożża u mħabba ma’ persuni b’diżabilità.
Hija sostniet, “Din kienet ċelebrazzjoni li ffukat fuq il-kelma inklużjoni, mhux fuq id-diżabilità tal-persuni imma fuq l-abbiltajiet differenti li kienu kapaċi juru fit-tnax-il xahar li għadda. L-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol, fl-isport, fl-arti u l-kultura u dak li jagħmilna bħala Maltin, kif bħala soċjetà verament aħna niddistingwu ruħna fejn għandu x’jaqsam l-inklużjoni.”