“L-għan tal-Premju Nazzjonali għal Appoġġ lill-Intrapriża huwa sabiex ikunu identifikati u jkunu rikonoxxuti attivitajiet u inizjattivi ta’ suċċess li saru biex tikber u titkattar l-intrapriża u l-intraprenditorja”
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona ħabbar ir-rebbieħa tal-Premju Appoġġ lill-Intrapriża għal din is-sena.
Il-Ministru Chris Cardona spjega kif mill-bidu nett, dan il-Gvern ħadem sabiex itejjeb l-ambjent li joperaw fih in-negozji, partikolarment in-negozji żgħar u medji, li jiffurmaw is-sinsla tas-settur kummerċjali f’pajjiżna.
Chris Cardona tkellem dwar kif dawn il-kompetizzjonijiet nazzjonali jsiru sabiex jiġu nnominati proġetti b’ideat innovattivi u joħolqu inizjattivi li jinkoraġġixxu t-tkabbir ta’ aktar negozji. Il-Ministru Cardona faħħar ukoll l-inizjattiva li qed tittieħed f’waħda mis-sezzjonijiet ta’ dan il-premju fejn ministeri u entitajiet tal-Gvern li jkunu fost ir-rebbieħa għandhom jagħtu l-premju monetarju lil xi għaqda karitattiva tal-għażla tagħhom.
Fost l-applikanti li tressqu għall-kompetizzjoni kien hemm negozji, entitajiet pubbliċi, skejjel u anke kunsilli lokali.
Ir-rebbieħa tal-premju li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Premju Ewropew għal Appoġġ lill-Intrapriża fl-Awstrija iktar tard din is-sena huma Business 1st, għall-proġett ‘Setting up of a One-Stop-Shop Customer Care Service’, u l-GRTU Malta Chamber of SMEs, għall-proġett ‘Enabling the Digital Transormation of Maltese’.