Tħabbru it-tmien rebbieħa tal-Malta Youth Film Festival li organizzat l-Aġenzija Żgħażagħ minn fost 12-il nominazzjonijiet waqt ċerimonja li tellgħet fil-Kumpless tal-aġenzija f’Santa Venera.
Il-festival, li sar b’kollaborazzjoni mal-Kumissjoni Maltija għall-Films, jinkoraġġixxi individwi jew gruppi ta’ produtturi tal-films, li għandhom bejn is-16 u t-30 sena, biex jipproduċi films u jikkumplimentaw l-isforzi ta’ istituzzjonijiet akkademiċi fl-istudji dwar il-qasam.
Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet li l-industrija tal-films qed tħalli miljuni ta’ ewro f’pajjiżna, u qed toħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.
Hija qalet, “Il-Malta Youth Film Festival huwa bla dubju dik l-attività li matul is-sena tgħaqqad għexieren ta’ nies flimkien. Din is-sena kienet xi ħaġa partikolari, l-isfida tal-pandemija li tat sfidi differenti liż-żgħażagħ tagħna, imma minkejja kollox kienu kreattivi, uniċi, anke fit-tip ta’ materjal li ħolqu.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li inizjattivi bħal dawn jipprovdu spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u fuq kollox jippromwovu l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.
Huwa stqarr: “Permezz ta’ dawn l-inizjattivi u programmi Aġenzija Żgħażagħ qed tkompli tagħmel id-differenza fil-ħajja taż-żgħażagħ Maltin u anke Għawdxin, fejn illum qegħdin naraw propju bil-fatti tinħoloq pjattaforma li fiha artisti żgħażagħ ikunu jistgħu jipproduċu l-films u allura jesprimu t-talent tagħhom.”
Ritratti (DOI/MISW)