L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ħabbar it-tliet rebbieħa li ħadu sehem fil-Kompetizzjoni Kreattiva Nazzjonali li ttellgħet f’Novembru li għadda fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal b’tifkira tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal.
Din il-kompetizzjoni, li l-għan tagħha kien li jħeġġeġ tfal ta bejn il-5 u s-16-il sena jesprimu l-ideat u l-fehmiet tagħhom b’mod kreattiv, ħeġġeġ lit-tfal biex jissottomettu arti viżiva, poeżija, jew stejjer qosra, li jindirizzaw temi varji b’rabta mad-drittijiet tat-tfal.
B’kollox, l-Uffiċċju rċieva 197 sottomissjoni, li kienu mqassmin f’163 arti viżiva, 19-il storja qasira, u 14-il poeżija. Għaxar sottomissjonijiet minn kull kategorija ntgħażlu minn bord tal-aġġidukazzjoni fejn l-aqwa tlett sottomissjonijiet minn kull kategorija ngħataw premju mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.
L-isbaħ arti viżiva bl-isem Agħti kasi! intrebħet minn Jethro Azzopardi Duca ta’ 13-il sena, l-isbaħ poeżija bl-isem Leħen it-Tfal intrebħet minn Giosiana Cardona ta’ 12-il sena, u l-isbaħ storja qasira bl-isem The Flying Dream intrebħet minn Christopher Pisani ta’ 8 snin.
Għalkemm ntgħażlu għaxar rebbieħa minn kull kategorija, kien hemm ħafna sottomissjonijiet tajbin b’messaġġ qawwi ħafna; u l-għaxar sottomissjonijiet li ntgħażlu minn kull kategorija se jintużaw fil-forma oriġinali tagħhom biex jiġu promossi u protetti d-drittijiet tat-tfal.