Waqt is-serata finali tal-Gozo Sports Awards, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din hija ċelebrazzjoni tal-isport u l-isportivi Għawdxin.
Fir-raba’ edizzjoni tal-Gozo Sports Awards, ġew onorati 11-il atleta Għawdxi fuq dak li wettqu fis-sena 2017. Għal din ir-raba’ edizzjoni kien hemm tliet unuri ġodda, fosthom dawk għat-tfal (tifla u tifel) taħt it-12-il sena, kif ukoll l-atleta attiv li għandu ’l fuq minn 60 sena.
Is-serata li kienet sponsorjata mill-Ministeru għal Għawdex u saret taħt l-awspiċi tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, u għaliha kienu preżenti diversi atleti Għawdxin u assoċjazzjonijiet sportivi Għawdxin.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet li l-ministeru irid imexxi u jsosnti l-qasam sportiv f’Għawdex u fakkret fl-inizjattivi ġodda, fosthom l-iskema għall-għaqdiet sportivi biex jiksbu fondi għal proġetti u inizjattivi, l-iskema għall-għajnuna finanzjarja għall-atleti li jmorru għat-taħriġ Malta, kif ukoll kif il-Ministeru għal Għawdex assorba l-ispejjeż kollha biex sports on the move jingħata lit-tfal kollha mingħajr ħlas.
It titjib fil-faċilitajiet ukoll huwa fuq l-aġenda tal-gvern. Il-Ministru għal Għawdex tenniet il-wiegħda ta’ pixxina f’Għawdex, il-ħidma li għaddejja biex jiġi sottomess proġett għat-titjib fix-shooting range, l-investiment li sar f’Kerċem għan-net sports, kif ukoll il-proġett ta’ cycling, walking u jogging track li ukoll qed issir ħidma fuqhom wara li nkisbu fondi Ewropej.
Ir-rebbieħa ġew magħżula minn ġurija magħmula minn ħames persuni li vvutaw fil-miftuħ il-preferenzi tagħhom, u dan għamel ir-riżultat mill-aktar trasparenti.
L-uniċi tliet unuri li ngħataw mill-Gozo Sports Board direttament kienu l-unur tal-aktar atleta attiv ta’ fuq is-60 sena li ngħatat lil atleta ta’ 69 sena, Amand P. Verraneman, Belġjan li ilu jgħix f’Għawdex għal aktar minn 38 sena u li għadu jikkompeti fil-għawm u fl-atletika. Rikonoxximent speċjali ngħata liż-żagħżugħ Carmelo Pace li jilgħab bħala attakkant fit-team tal-football nazzjonali tal-Ispecial Olympics u spiċċa bħala top scorer tagħhom. Barra minn dawn, Vincent Grech, li għandu 82 sena, ingħata rikonoxximent speċjali għal karriera sportiva tiegħu bħala eks player u eks coach tal-football.
Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija kienu dawn:
L-aktar tifla dedikata U12: Leah Said (Atletika)
L-aktar tifel dedikat U12: Nathan Bonello (Atletika)
L-aktar żagħżugħa promettenti U18: Valentina Rapa (Football)
L-aktar żagħżugħ promettenti U18: Marlon Attard (Gozo Clay Shooting Association)
Uffiċjal tas-Sena: Joseph Scicluna (Għajnsielem RedCoats, Soft Ball)
It-team tas-Sena: Gozo Under 17 Ladies (Football)
Sportiva tas-Sena: Maria Farrugia (Football)
Sportiv tas-Sena: Charlton Debono (Atletika)
Atleta Attiv 60+: Amand P. Veranneman (Triathlon)
Rikonoxxment Speċjali Special Olympics: Carmelo Pace (Football Special Olympics)
Karriera Sportiva: Vincent Grech (Football)
Ritratt: MGOZ