Tħabbru t-tmien r-rebbieħa għall-fondi tal-Fond Malti għall-Arti taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għall-Arti.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa Spazju Kreattiv ġie spjegat kif tmien artisti ngħataw b’kollox €90,000 sabiex ikunu jistgħu jwettqu b’suċċess il-proġetti artistiċi tagħhom.
Fil-fatt id-direttur għall-fondi u l-istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, spjegat kif din kienet it-tieni sejħa tas-sena minn totall ta’ tlieta u li b’kollox it-tliet sejħiet f’daqqa joffru €270,000 lill-artisti.
“Il-fond kollu perse tal-Malta Arts Fund huwa ta’ €270,000. Kull sejħa jkun hemm €90,000. Din id-darba hija t-tieni sejħa għal din is-sena u propju ngħataw id-€90,000 kollha għat-8 proġetti.”
Hija spjegat ukoll x’ikopru l-fondi li jingħataw lill-artisti.
“Il-fond jindirizza żvilupp ta’ proġetti fejn tinvolvi riċerka, tinvolvi tim ta’ nies, esperti però importanti wkoll l-innovazzjoni u l-eċċellenza.”
ONE News tkellem ukoll ma’ żewġ artisti li kisbu dawn il-fondi.
Shaun Grech qal: “Il-proġett tiegħu jismu dehumaniation. Huwa proġett li jesplora l-intersection bejn dehumanisation, nation u humiliation. Huwa proġett ta’ pitturi tiegħi, jinvolvi istallazjon, performance u għandu komponenti oħrajn fihom li għadhom daqxejn ta’ sorpriża għal issa.”
Filwaqt li Glen Calleja qal: “Dan huwa proġett ta’ pupi magħmulin bl-idejn. Pupi li jkunu jistgħu magħmulin minn materjali differenti imma primarjament qed niffukaw fuq pupi taċ-ċarruta u pupi magħmulin minn materjali u injam li nstabu diġà li jkunu użati fl-istudio tal-artista.“