Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis ħabbar ir-rebbieħa tal-fond Festi Inklussivi 2018, inizjattiva tal-baġit 2018.
L-għan prinċipali ta’ din l-l-inizjattiva kien li l-Għaqdiet tal-festi ta’ madwar Malta u Għawdex jiġu mħeġġa joħolqu inizjattivi li bihom iħeġġu lill-komunità kollha tipparteċipa fil-festa tal-irħula u l-bliet tagħhom inkluż il-persuni b’diżabilità u l-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis saħħaq kif is-suċċess tal-festi tradizzjonali f’pajjiżna, b’dedikazzjoni tal-voluntiera kollha li jkunu nvoluti u bis-sapport tal-familjari tagħhom, għandu jitgawda minn kulħadd.Il-fond Festi Inklussivi 2018 kellu baġit allokat ta’ €100,000, li ser jitqassmu bejn 19-il proġett f’bosta lokalitajiet bejn Malta u Għawdex. L-ammont dedikat għal kull proġett ivarja, bl-akbar proġett jieħu l-massimu ta’ €10,000.
Fost il-proġetti li ntagħżlu hemm inizjattivi li jinvolvu trasport, lifts u pjattaformi sabiex anzjani u persuni b’diżabilità jkollhom aċċess fiżiku għall-attivitajiet tal-festa, l-installazzjoni ta’ screen fejn ser tintwera l-istorja tal-patrun bil-lingwa tas-sinjali Maltija għal dawk neqsin mis-smigħ u sottotitli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż biex kulħadd ikun parteċipi bis-sħiħ fil-festa, u anka studju sabiex persuni b’diżabilita’ u/jew anzjani stess jindikaw kif iħossu li jistgħu jikkontribwixxu fil-festa.
Dawn il-proġetti intagħżlu minn bord indipendenti, mmexxi mill-Imħallef Lawrence Quintano, li kien jinkludi l-Kummissarju tad-Drittijiet għal Persuni b’Diżabilità, il-Professur Andrew Azzopardi, Dr Alistair De Gaetano, Dr Noel Camilleri, Dr Bernard Busuttil, is-Sur Matthew Chetcuti, is-Sur Mario Coleiro, is-Sur Karl Buġeja u Father Colin.
Onor. Anthony Agius Decelis sostna li din kienet l-ewwel darba li ġie mnied il-fond Festi Inklussivi u li fis-snin li ġejjin is-Segretarjat Parlamentari ser ikompli jinvesti f’din l-inizjattiva u jagħti s-sapport sabiex jissaħħu l-proġetti ta’ dawn l-għaqdiet li jaħdmu b’tant dedikazzjoni.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, is-Sur Oliver Scicluna faħħar lill-entużjasti tal-festa għax-xogħol li jagħmlu biex tittella’ l-festa. Hu saħħaq illi din l-parti tal-patrimonju u kultura Maltija għandha tkun ta’ kulħadd u għal kulħadd u għalhekk din l-inizjattiva xagħlet niċċa biex jingħata aktar kuraġġ biex dan ikun jista jsir, filwaqt li awgura li din l-inizjattiva tkompli ssir u tissaħħaħ.
Fil-konkluzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, stqarr li hu ħerqan biex fis-sena 2019 jara l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti, biex din l-inizjattiva li s’issa għadha riflessa f’dokumenti u karti ssir realtà u l-Festi verament ikunu Inklussivi.
Ir-rebbieħa huma dawn t’hawn taħt:
Każin Banda San Pawl – Safi, Għaqda Mużikali Marija Assunta – Gudja, Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri – Qormi, Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema Mġarr, Għaqda Banda Zejtun, Għaqda Mużikali Marija Reġina – Marsa, Għaqda Mużikali Sant’Andrija – Hal Luqa, Għaqda Mużikali Santa Marija – Għaxaq, Għaqda Mużikali San Leonardo – Kirkop, Għaqda Mużikali San Girgor – Kerċem, Soċjetà Filarmonika ”La Vittoria” – Mellieha, Għaqda Mużikali San Ġużepp – Għaxaq, Soċjetà Filarmonika Kings Own – Valletta, Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard- Mosta, Għaqda Mużikali Imperial – Mellieha, Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria – Żurrieq, Għaqda tal-Mużika San Gejtanu – Ħamrun u s-Soċjetà Santa Marija Banda Re Ġorġ V – Mqabba.