Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja.
Waqt is-serata tal-Ġimgħa filgħaxija, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis stqarr illi dan il-premju kien pass essenzjali sabiex għall-ewwel darba f’pajjiżna, qiegħed jiġi rikonoxxut l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi persuni li taw kontribut u ta’ dawk li jaħdmu b’mod formali jew informali fis-settur tad-dimensja.
Filwaqt illi fid-diskors tiegħu elenka fuq l-ammont sostanzjali ta’ miżuri li dan il-gvern ħa biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li għandhom id-dimensja, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, sostna li dan il-pass seta’ jittieħed biss għaliex illum is-settur tad-dimensja qiegħed fuq quddiem tal-prijoritajiet ta’ dan il-gvern, wara illi għal żmien twil ma kienx jingħata importanza.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis, irringrazzja b’mod speċjali lil bord tal-għażla li hu mmexxi minn Dr. Borg Xuereb, u kompost minn; Prof Andrew Azzopardi, Dr. Roberta Sammut, Dr. Maria Cassar, Dr. Maria Aurora Fenech.
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Għażla, Dr Christian Borg Xuereb, saħaq illi kulħadd ikollu bżonn ta’ inkoraġġiment u ta’ ringrazzjament, speċjalment dawk in-nies illi l-isforzi tagħhom ikunu minn wara l-kwinti. Għal dan ir-rikkonoxximent ġew innominati madwar 30 persuna jew tim. Dwar l-proċess tal-għażla huwa spjega illi dan ma kienx wieħed faċli. “Kif tista’ tagħżel minn ħaqqu jirbaħ, meta hemm tant tbatija, xogħol siewi kif wkoll pożittività f’dak kollu li qiegħed isir?”
Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja 2019 huma:
Premju għall-Kontribut Eċċezzjonali fid-Dimensja: L-Iskola Primarja Ħal Għargħur:
B’inizjattiva interġenerazzjonali sabiex tippromwovi l-għarfien fid-dimensja, madwar 28 student tal-ħames sena, żaru dar tal-anzjani fejn iltaqgħu wkoll ma’ anzjani bid-dimensja.
Dan wassal biex ttellgħet preżentazzjoni li kienet tikkonsisti f’reċta u kant dwar id-dimensja, fl-Iskola tal-Għargħur u fl-Iskola Primarja ta’ Pembroke sabiex titqajjem kuxjenza ma’ studenti oħra, kif ukoll mal-ġenituri.
Premju Carer Informali: is-Sinjura Beatrice Barbara:
Persuna li ilha tieħu ħsieb lill-ġenituri tagħha għal numru ta’ snin, speċjalment lil missierha bid-dimensja, li wassal biex kellha tagħmel diversi deċiżjonijiet iebsin f’ħajjitha sabiex tagħti preċedenza lill-kura tal-ġenituri tagħha.
Persuna li tipprova tgħin ukoll lill-nies oħra li huma għaddejjin minn esperjenza simili; saħansitra fetħet paġna fuq Facebook fejn fiha titkellem fuq l-esperjenzi li għaddiet minnhom, u l-isfidi li rnexxilha tegħleb.
Premju Professjonist/Tim fil-Qasam tad-Dimensja: Is-Sinjura Charlotte Stafrace:
Persuna li tikkordina u toħloq attivitajiet kreattivi għall-individwi bid-dimensja. Hija twettaq ix-xogħol tagħha b’passjoni u b’enerġija pożittiva, liema enerġija tiġi trasmessa ukoll mal-klijenti tagħha.
Persuna li kienet involuta f’diversi proġetti fil-qasam tad-dimensja, fosthom il-proġett “Making Memories” li sar b’kollaborazzjoni ma’ Active Age Malta.