Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar ir-rebbieħa ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2018 f’serata li saret f’Dar il-Mediterran, fil-Belt Valletta.
Is-serata kienet waħda inklussiva għaliex kienet mimlija bi żfin, kant u drama, mtella’ minn persuni b’diżabilità u oħrajn. Ġie ppreżentat ukoll grupp ta’ żgħażagħ li jagħmlu parti minn Special Olympics Malta, u li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta ġewwa Abu Dhabi f’Marzu li ġej.Fid-diskors tiegħu, Anthony Agius Decelis fakkar li l-għan ta’ dan il-premju huwa biex jiġu ċċelebrati l-kisbiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet li jappoġġjaw kultura ta’ iżjed drittijiet għal persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis sostna li, “kull persuna għandha jkollha dritt li tipparteċipa fil-ħajja soċjali u anka fil-ħajja politika. B’hekk, il-prinċipju li ggwida l-għażliet għal dan il-premju huwa li jkollna socjetà aktar ġusta fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu sehem attiv fil-komunità”.
Għall-ħames edizzjoni ta’ Premju Soċjetà Ġusta, is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva rċieva 33 applikazzjoni għal ħames premji. Għall-ewwel darba ingħata premju għall-aktar kumpanija li topera b’mod inklussiv. Dan ingħata lil kumpanija li tmur oltrè minn dak meħtieġ mil-liġi u li jħaddnu kultura ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni sħiħa. Ir-rebbieħa ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2018 huma:
Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità
Irene Schembri
Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità
Malta Girl Guides Association
Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-isport, arti u kultura
Equality in Music – Down Syndrome Association
Premju għall-iktar kumpanija li topera b’mod inklussiv
Maltapost plc
Premju Soċjetà Ġusta
Vickie Gauci
Premju Perseveranza
Clayton Micallef
Ir-rebbieħa ta’ ħames premji intagħżlu minn bord indipendenti, filwaqt li Premju Perseveranza ġie mogħti mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
Il-bord tal-għażla kien immexxi mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, u kompost minn Joe Cini, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Professur Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Olivia Farrugia, li tmexxi d-diviżjoni tal-Inclusive Employment Services ġewwa Jobsplus, u Keith Demicoli, ġurnalist mill-media lokali.