Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta l-premji ta’ żewġ kompetizzjonijiet li ġew organizzati bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet kienet għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji, waqt li l-oħra kienet immirata għal dilettanti u prattikanti tal-fotografija.
Matul din is-sena, id-Direttorat tal-Kultura ppromwova l-għan ta’ din is-sena dedikata għall-wirt kulturali mal-iskejjel. L-islogan għal din is-sena kien; Il-wirt tagħna: fejn il-passat jiltaqa’ mal-futur.
Il-Ministru Bonnici faħħar din l-inizjattiva, “minħabba li huwa importanti li nippreservaw u ngħaddu l-wirt kulturali tagħna lil ġenerazzjonijiet futuri. Il-messaġġ li aħna xtaqna nwasslu hu li waqt li forsi hemm min jara l-wirt bħala xi ħaġa ‘tal-passat’ jew statika, din fil-verità tevolvi permezz ta’ kuntatt magħha. Barra minn hekk, il-wirt tagħna għandu rwol siewi fit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna u tal-Ewropa. Fil-fatt, din kienet waħda mir-raġunijiet għala ridna nressqu l-wirt kulturali lejn iż-żgħażagħ tagħna, b’mod speċjali waqt din is-sena dedikata għal wirt kulturali,”
Fost l-inizjattivi li saru, ġew organizzati żewġ kompetizzjonijiet. Waħda kienet immirata lejn studenti tas-sekondarja fejn ġew imħeġġa li jiskopru aktar u jesploraw il-writ kulturali Malti u Għawdxi. L-istudenti ġew imħeġġa li jagħmlu proġett, u 10 skejjel ressqu proġett. L-ewwel premju ntrebaħ mill-Kulleġġ ta’ Santa Margerita – Skola Sekondarja Bormla li ressqu proġett fuq ‘L-Avvenimenti Kulturali f’Malta matul is-Sena. L-iskola se tingħata voucher b’valur ta’ €500 f’kotba. Fit-tieni post ġie l-Kulleġġ ta’ San Mikiel – Santa Venera li ressaq il-proġett ‘Il-Purċissjoni tal-Bambin’. L-Iskola se tingħata voucher ta’ €200 f’kotba. Kull skola oħra li pparteċipat se tingħata voucher ta’ €50 f’kotba.
It-tieni kompetizzjoni kienet immirata lejn dilettanti u prattikanti tal-fotografija li ġew inkoraġġuti biex josservaw u jirrekordjaw il-wirt lokali bil-cameras, kreattività u perspettiva tagħhom. Ġew irreġistrati 59 ritratt. L-ewwel premju ntrebaħ mis-Sa Shirley Calleja li se tingħata ċekk ta’ €500. It-tieni premju ntrebaħ mis-Sur Geogre Abdilla li se jingħata ċekk ta’ €300. Fit-tielet post, ġiet is-Sa Emily Calleja li se tingħata ċekk ta’ €200.
Dawn it-tliet ritratti rebbieħa, u disgħa oħra se jkunu fil-kalendarju uffiċjali tal-Gvern għas-sena 2019 li jiġi ppublikat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. L-aħħar 9 fotografi se jingħataw premju ta’ €50 kull wieħed.
L-għan ta’ din is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali kien biex in-nies jiġu nkoraġġuti aktar li jiskopru u jimpenjaw ruħhom fil-wirt kulturali, kif ukoll biex jiġi rraffurzat is-sens ta’ appartenenza.
Dan il-Gvern huwa impenjat biex jibqa’ jinvesti fil-kultura tagħna u dejjem jisħaq għal kultura aċċessibbli b’mod li jħeġġeġ u jippromwovi aktar il-kultura rikka ta’ pajjiżna fid-diversi forom tagħha.