Il-Ħamis filgħaxija, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, tħabbru numru ta’ standards għall-attivitajiet tal-massa u postijiet fejn jinġabru ħafna nies.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne beda billi fakkar kif fix-xhur li għaddew, pajjiżna għadda b’suċċess minn sitwazzjoni diffiċli li affaċċjat id-dinja kollha. Qal li dan is-suċċess inkiseb b’ħafna sagrifiċċju u determinazzjoni minn firxa wiesgħa tal-popolazzjoni. Skontu, il-qofol tas-suċċess kienu d-distanza soċjali u n-numru kbir ta’ testijiet li saru, u dawn iż-żewġ kunċetti jeħtieġ li jinżammu sakemm il-pandemija għadha fid-dinja.
Qal li f’dawn l-aħħar ġranet id-distanza soċjali ma baqgħetx tinżamm bl-istess mod bħal qabel u għaldaqstant tħabbru standards biex dan jiġi indirizzat.
Mill-Ġimgħa fit-tmienja ta’ filgħodu, kull avveniment għandu jillimita n-nies li jkollu skont id-daqs tal-post.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr: “Minn għada filgħodu, mit-tmienja ta’ filgħodu, ħa nkunu qed nistennew li kull avveniment kull event, in-numru ta’ nies ikunu limitati skont id-daqs tal-venue. Jigifiri venue kbira jista ikollu aktar persuni minn venue żgħir. Il-formula li ħa nkunu qed nużaw u li se nitolbu lil organizzaturi josservaw u li ma jistax ikun hemm persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri ta’ spazju tal-venue fejn ikun organizzat l-event.”
Chris Fearne qal li la darba jkun hemm il-parametru tal-ammont li jiflaħ post ma jistax ikun hemm aktar minn għaxar persuni li qegħdin f’kuntatt ma’ xulxin u mhux maqtugħin minn grupp ieħor bid-distanza soċjali.
Huwa sostna: “Jiġifieri aħna, jista ikun li inti tmur avveniment mal-partner tiegħek, forsi ma’ żewġ koppji oħra mhemx għal fejn it-tlieta li inthom tkunu sparparjati imma il-grupp ta’ sitta min-nies li allura ma jistawx ikunu grupp akbar ta’ għaxra irrid ikun għalih u mhux ma grupp ieħor li ikun hemm it-taħlit.”
Se jkun mitlub ukoll biex dawk in-nies li jattendu l-avvenimenti, iħallu numru tat-telefon mal-awtoritajiet biex jekk ikun hemm bżonn ta’ traċċar tal-kuntatt, dan isir b’mod faċli.
Il-Ministru għas-Saħħa rrimarka kif se titpoġġa aktar responsabbiltà fuq l-organizzaturi tal-attivitajiet.
“Huwa tenna: Ħa nkunu qedin nitfgħu, inpoġġu nirisponssabilizzaw lil organizzazzjoni. Isma’ aħna qed ngħidu dan in-numru mhux iżjed minn wieħed għal kull erba’ metri kwadri. dawn il-gruppi ta’ mhux iżjed minn għaxra li jistgħu ikunu flimkien ma jitħaltux, ir-responsabiltà li naraw li qed jigri hekk ħa tkun fuq l-organizzatur.”
Fearne spjega kif il-postijiet li jistgħu jieħdu aktar minn mitt ruħ, iridu jkollhom assessjar tar-riskju li jgħaddi għand l-awtoritajiet konċernati biex jiddeċiedu huma jekk l-attività tistax issir jew le.
Intqal ukoll kif bi ftehim mal-Kurja, il-marċi tal-festi mhux se joħorġu permessi għalihom.
Il-Ministru Fearne qal li dawn il-miżuri jmorru id f’id ma żieda qawwija fin-numru ta’ testijiet li qed isiru.
Fil-fatt żdiedu n-nies li jaħdmu fil-laboratorji u anki se jiżdiedu n-numru ta’ infermiera li jieħdu t-testijiet.
Dan biex jiġi żgurat li s-suċċess li kiseb pajjiżna fl-aħħar xhur, ikompli għaddej, temm jgħid il-Ministru Fearne.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li l-każijiet fl-aħħar ġimgħat kienu sporadiċi, oħrajn li kienu kuntatt dirett ma’ xulxin, u immigranti li tpoġġew fi kwarantina mal-mument li daħlu Malta.
Qalet li kemm ilu li fetaħ l-ajruport, kien hemm biss erba’ każijiet mill-pajjiżi meqjusa bħala kurituri siguri, u ħamsa oħra minn pajjiżi oħra li mhumhiex f’din il-lista.
Il-Professur Gauci spjegat il-kundizzjoni medika ta’ dawk bil-virus: “Forsi n-numri totali wieħed jarah kbir. meta wieħed jidħol fid-dettall ta’ kull każ, inti tibda tara kemm minn dan se ikun ta’ riskju għall-kumplament tal-popolazzjoni, u il-protocoli għal hekk qedin hemm li huma bbażati fuq evidenza u fuq inti x’tista tagħmel biex tkun tista tikkontrola sitwazzjoni. Tajjeb ngħidu li dawn il-każijiet kollha li kellna, kellna ħafna minnhom li kienu ta’ età żgħira u anke sitwazzjoni medika tagħhom hija tajba.”
Intant meta kien mistoqsi jekk huwiex permessibbli li jsiru tiġijiet, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tiġijiet jistgħu jsiru imma wieħed irid iqis in-numru ta’ mistednin mal-kobor tal-post fejn ikun se jsir.
Dan għaliex tapplika l-istandard li ma jistax ikun hemm aktar minn persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri ta’ spazju.