Il-Premju għall-Arti għal din is-sena se jirrikonoxxi r-reżiljenza tal-qasam kreattiv, u l-mod kif xorta nħoloq xogħol tal-ogħla kwalità fi żmien pandemija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur għall-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, spjegat li r-raba’ edizzjoni tal-Premju għall-Arti għandha żewġ kategoriji ġodda li se jippremjaw l-aqwa inizjattiva tul il-pandemija, u l-aqwa produzzjoni tul il-pandemija. Għal dawn tħabbru għaxar nominati.
Se jingħataw ukoll erba’ unuri mhux kompetittivi: L-Unur għall-Karriera Artistika, l-Unur għall-Promoturi fl-Arti, l-Unur għall-Wirt Artistiku, u l-Unur għall-Ambaxxaturi fl-Arti, li jgħodd għal tliet snin.
Cauchi fissret: “Kellna kważi mitejn nominat għal din l-edizzjoni, u ma ġratx fl-edizzjoni ta’ qabel. Din l-edizzjoni hija ċelebrazzjoni tar-reżiljenza u tal-impatt u l-isfidi li kellhom l-artisti u l-proġetti tagħhom matul dawn iż-żminijiet.”
Il-Ministru għall-Arti José Herrera rrikonoxxa lill-Premju għall-Arti bħala l-aktar avveniment artistiku prestiġjuż fil-kalendarju kulturali, u li dan huwa żmien kruċjali għas-settur biex jiġi ispirat u jaħdem b’mod kollettiv biex ikompli jikber u jagħti kontribut lejn is-soċjetà u l-ekonomija.
Il-Ministru Herrera stqarr: “Bħala Ministeru qed nagħtu s-sostenn neċessarju lid-dinja tal-arti biex ngħinu l-artisti li qed juru reżiljenza liema bħalha f’dawn iż-żminijiet diffiċli, u li qed jagħtu l-identità lill-pajjiż tagħna.”
Ir-rebbieħa se jitħabbru fis-7 ta’ April li ġej.