L-Erbgħa filgħodu tħabbru l-linji gwida tal-Gvern Malti dwar ir-rikonoxximent tas-sess, tas-sesswalità u tal-ġeneru.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġew rikonoxxuti n-numru ta’ liġijiet u prattiċi ntrodotti fl-aħħar seba snin mill-Gvern, immirati biex javvanzaw l-ugwaljanzi u l-inklussività ta’ persuni LGBTIQ+.
Fil-fatt, fid-dawl ta’ dan, dawn il-linji gwida huma ntiżi li jkomplu jindukraw din il-mentalita aktar inklussiva partikolarment fil-ħidma amministrattiva tal-Gvern u fis-Servizz Pubbliku.
Dwar dawm il-linji gwida tkellem il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici hekk kif elenka x’jinkludu dawn il-linji gwida.
Fost dawn hemm il-klassifikazzjoni tas-sess u tal-ġeneru fir-rekords tal-Gvern Malti, l-emendar tal-ġeneru fl-istess rekords, il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-ġeneru għall-finijiet ta’ data, it-titli f’korrispondenza bil-miktub jew bil-posta elettronika u l-privatezza u ż-żamma ta’ rekords tal-ġeneru preċedenti.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “L-iktar waħda sempliċi hija l-mod ta’ kif wieħed għandu jindirizza persuni li ġejjin mill-komunità LGBTIQ u kif aħna nistgħu nużaw id-data relattiva għal dawn il-persuni.”
Huwa tenna wkoll kif dawn il-linji gwida jkomplu jikkonfermaw kemm Malta għandha kredenzjali f’dan il-qasam: “Il-linji gwida għandhom l-għan ukoll li jixprunaw is-servizz pubbliku ikun aktar sensittiv lejn il-persuni LGBTIQ biex dak li aħna nippriedkaw jiġifieri l-ugwaljanza f’pajjiżna titwettaq fil-prattika fil-livelli kollha.”