B’investiment ta’ madwar miljun u tmin mitt elf ewro, se jsiru xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali f’Ħal Tarxien. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett.
Dawn ix-xogħlijiet jinkludu r-rikostruzzjoni u t-tisbiħ tal-pjazza, flimkien ma’ sistema ta’ dawl ġdida u tqegħid ta’ għamara ġdida tat-triq, fost oħrajn.
Il-Ministru Bonett sostna li hu importanti li l-infrastruttura taż-żoni, li fihom tinġabar il-komunità, għandha tingħata l-importanza meħtieġa f’dak li hu tisbiħ u manutenzjoni, biex tipprovdi spazju kif jixraq lir-residenti u kull min iżur din il-lokalità.
“Il-politika tal-Gvern qed inkomplu nwettquha, fejn naqbdu l-pjazez tagħna, qegħdin nirranġawhom, nagħtuhom dehra ġdida, nagħtuhom ħajja ġdida u nrodduhom lura lin-nies. Il-pjazza ta’ Ħal Tarxien, fi żmien sena, se tkun tista’ tgħid prattikament ġdida, b’aktar aċċess għan-nies u se jkollna wkoll zuntier kompletament ġdid.”
Is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea, qal li dan il-proġett se jkun qed iwettaq il-ħolma tat-Tarxiniżi.
“Ħolma tat-Tarxiniżi, li ssir realtà żona pedonali għan-nies biex igawdu l-pjazza u l-qalba tar-raħal tagħna.”