Malta ppubblikat il-lista tal-pajjiżi fuq il-lista Amber li jekk tiġi minnhom trid tipprovdi riżultat ta’ test għall-Covid-19.
Fil-lista hemm tliet pajjiżi; il-Bulgarija, ir-Rumanija u Spanja (applikabbli għall-passiġġieri li ġejjin minn Barċellona, Girona u Madrid).
Minn nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu f’nofsillejl, se jidħol fis-seħħ avviż legali li jgħid li kull min jasal f’Malta mill-pajjiżi msemmija jrid jissottometti ċertifikat ta’ riżultat negattiv ta’ COVID-19.
Il-passiġġieri kollha li ġejjin mid-destinazzjonijiet imsemmija għandu jkollhom ċertifikat tat-test li jkun sar sa mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-titjira.
Il-Ministeru għas-Saħħa qal li dawk il-passiġġieri li jonqsu milli jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-test jista’ jsirilhom test fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u jistgħu jintalbu li jinżammu fi kwarantina.
Il-pajjiżi fuq l-amber list jiġu aġġornati minn żmien għal żmien.