F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbru l-iskemi finanzjarji għall-kunsilli lokali għal din is-sena, fejn l-għan ewlieni tagħhom hu li dawn ikollhom il-finanzi meħtieġa biex jindirizzaw bl-aħjar mod bżonnijiet fil-lokalitajiet u jħejju proġetti li huma fl-aqwa interess tar-residenti tagħhom.
L-iskemi ta’ finanzjament għall-kunsilli lokali għal din is-sena jinkludu dik għall-attivitajiet kulturali, favur aktar indafa, għall-manutenzjoni u s-sostenn ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri li jsiru mill-Gvern, għall-iżvilupp ta’ ġonna komunitarji, u favur komunitajiet aktar b’saħħithom u inklussivi, fost l-oħrajn.
Din is-sena qed tiġġedded ukoll l-iskema finanzjarja tar-Reġjun Kulturali għas-sena 2025, b’finanzjament ta’ €250,000, u l-ingaġġ ta’ 37 ħaddiem mal-kunsilli taħt l-iskema Community Inclusive Employment Scheme, b’finanzjament ta’ madwar €350,000, u l-ingaġġ ta’ tmin Animal Steward Officers, li se jerġa’ jiġġedded ukoll bl-investiment ta’ €106,000.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li dawn l-iskemi finanzjarji hu eżempju ieħor ta’ kemm dan il-Gvern baqa’ ta’ spalla għall-kunsilli.
“Il-Gvern jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-Kunsilli Lokali, għax jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal tagħhom, u permezz ta’ dawn l-iskemi finanzjarji qegħdin inħajru lill-Kunsilli Lokali biex permezz ta’ għodda neċessarja u permezz ta’ aktar fondi jagħmlu l-ħolm tar-residenti realtà.”
Civelli ħeġġet ukoll lill-kunsilli lokali biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi addizzjonali.
“Kellna ħafna eżempji ta’ proġetti magħmulin mill-Kunsilli Lokali fejn servew ukoll ta’ ispirazzjoni għall-Gvern ċentrali. Għaldaqstant inħeġġeġ issa lill-Kunsilli Lokali jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-fondi addizzjonali, biex ikunu r-residenti li jgawdu mill-proġetti diversi madwar Malta u Għawdex.”