L-ewwel Fun Run tal-President ta’ Malta, George Vella se ssir nhar il-Ħadd 26 ta’ Jannar u tibda fl-għaxra ta’ filgħodu. Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President ħabbar l-erba’ rotot li se jkunu qed jipparteċipaw f’dan l-avveniment.
L-ewwel rotta se tibda mill-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid; it-tieni waħda se tibda mis-Saqqajja r-Rabat; it-tielet rotta se tibda minn Santa Venera u r-raba’ rotta se tibda minn Tal-Qroqq. L-erba’ rotot flimkien se jiltaqgħu fil-Blata l-Bajda u jispiċċaw din il-Fun Run fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta.
Fl-istqarrija, l-Uffiċċju tal-President irrakkomanda li dakinhar ta’ din l-attività jintuża t-trasport pubbliku, fejn dawk li se jkunu lebsin it-T-shirt tal-Fun Run se jkun jista’ jivjaġġa bla ħlas nhar il-Ħadd 26 ta’ Jannar.