F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbru l-benefiċċjarji tal-fond Rock’N Malta, li hu amministrat minn Festivals Malta bil-għan li jinċentiva l-ħolqien ta’ avvenimenti u artisti fil-qasam tal-mużika Rock.
Intqal kif Festivals Malta rċeviet numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet li bdew jintlaqgħu f’Lulju li għadda u li minnhom intagħżlu sitta u għoxrin proġett li mistennija jittellgħu s-sena d-dieħla bis-sostenn ta’ dan il-fond.
Sadanittant il-benefiċċjarji huma l-Gozo Youth Orchestra; Spring Festival 2024; Dark Malta 2024; Xlokk Rocks Festival; Rock The South Festival; Għaqda Mużikali San Ġużepp Ħal Għaxaq; Earth Garden; Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae; Mosta Music Festival 2024; Rock in the Forest; Venti Music Fest; End of Summer Festival; Vinyl Paradise – The Power of Three: Blues Trio Phenomenon; Teatru Rock – Journey Through The 70s; Kunċertun tal-Milied – Travellers Christmas Concert; Time Lord by Iron Horde Promotions; A Symphony From Hell by Raw Not War Entertainment; Kunċert Vuċi għall-Annimali – A Night of Music; Compassion and Awareness; Malta Spectacular – The Variety Show; NNG Promotions; SoundArt Malta; u Stones to Peppers III.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-konkorrenza li dan il-fond reġa’, għal sena oħra, attira lejh.
Stqarr, “Hi xi ħaġa sabiħa li r-Rock ukoll ikun inkluż f’dawk li huma l-proġetti ta’ Festivals Malta biex inkomplu ngħinu u nagħtu sostenn lill-artisti lokali u anke dawk barranin.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, sostna kif permezz ta’ dan il-fond li Festivals Malta qed tagħti appoġġ b’saħħtu għal dan il-ġeneru ta’ mużika.
Qal, “Allura u permezz ta’ dan il-fond li nkomplu nħarsu ’l quddiem li ngħinu aktar organizzaturi jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għaż-żminijiet li ġejjin.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici stqarr li dan il-fond jirrifletti l-fiduċja li għandu l-Gvern fis-setturi artistiċi u organizzativi f’pajjiżna.
Qal, “Bis-saħħa ta’ dan l-investiment, ta’ tliet mitt elf ewro, qed ngħinu biex jittellgħu sitta u għoxrin produzzjoni matul is-sena d-dieħla. Dan ifisser, investiment fl-artisti tagħna, fl-organizzaturi tagħna biex inkomplu mmexxu ’l quddiem dan is-settur kulturali.”
Għal aktar informazzjoni fuq l-avvenimenti ta’ Festivals Malta żur www.festivals.mt.