Għal sena oħra, reġa’ tnieda l-Animal Welfare Fund, b’investiment ta’ €85,000. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Din l-iskema hi mfassla biex tgħin finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet volontarji fil-ħarsien tal-annimali fuq tliet prijoritajiet ewlenin.
Dawn huma dawk ta’ edukazzjoni fuq riċerka u kura, spejjeż dwar provvisti mediċinali, ikel u spejjeż oħrajn, kif ukoll dwar it-taħriġ fuq servizzi ta’ rehoming, anke f’każ li l-annimali jintbagħtu barra minn Malta.
Sad-data tal-għeluq, ġew ippreżentati 18-il applikazzjoni b’talbiet li jvarjaw bejn €2,950 u €24,000, b’total ta’ €149,590. Fil-bidu ta’ din is-sena, tħabbar ir-riżultat tal-applikanti eleġibbli wara reviżjoni mill-kumitat maħtur. Minn dawn, 15-il applikant ġew iddikjarati eleġibbli għall-iskema.
Il-Ministru Refalo spjega kif it-trattament xieraq tal-annimali jmur lil hinn mill-proċess ta’ regolamentazzjoni.
Semma kif 15-il NGO fil-kura tal-annimali se jibdew proġetti f’dan ir-rigward.
“15-il organizzazzjoni qegħda tibbenefika minn din l-iskema. Importanti ħafna għal dawn l-għaqdiet, għax huma dawn l-għaqdiet li jagħtu vuċi lill-annimali tagħna li, wara kollox, m’għandhomx leħen. Il-Gvern hu mpenjat bis-serjetà biex inkomplu mmexxu ’l quddiem l-Animal Welfare, naħdmu f’katina ma’ dawn l-għaqdiet.”
Il-Ministru, Anton Refalo

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said kompliet li dan l-investiment hu xhieda tal-impenn tal-Gvern biex ikompli jagħti l-appoġġ f’dan ir-rigward.
“Fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali, dan il-Gvern, din is-sena, qed jikkommetti kważi żewġ miljun ewro. Fis-sejħa li qed nagħmlu llum, qed nallokaw €85,000 lil diversi attivisti, santwarji, NGOs, jew dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħinu lill-annimali.”
Is-Segretarju Parlamentari, Alicia Bugeja Said

Id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali, Joseph John Vella, spjega li kull organizzazzjoni kellha l-possibbiltà li tapplika għal aktar minn prijorità waħda, iżda l-massimu li setgħet tingħata bħala għajnuna hu ta’ 80% tal-proġett sa massimu ta’ €8,000.