Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, ħabbar il-proġetti li se jkunu qed jibbenefikaw mill-MCAST Research Fellowship Scheme 2024.
Din l-iskema, b’kollaborazzjoni mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, għandha l-għan li toffri aktar opportunitajiet lill-akkademiċi u ż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f’inizjattivi li jkomplu jsaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna favur soluzzjonijiet għal sfidi attwali u futuri.
Azzopardi Tanti tenna li l-Gvern hu impenjat ikompli jaħdem biex, bħalma diġà għamel, ikompli jwettaq miżuri favur iż-żgħażagħ.
“Din is-sena mhux biss wettaqna dawk il-miżuri li ħabbarna fil-baġit, imma saħansitra għamilna iżjed, fosthom dan il-programm ta’ riċerka mal-MCAST u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji fejn rajna u assistejna li, permezz ta’ fondi allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni, saru erba’ proġetti importanti li jirrigwardaw it-tibdil fil-klima, l-użu responsabbli tar-riżorsi, il-manifattura, is-smart manufacturing, kif ukoll proġetti interessanti fejn jidħol il-futur diġitali u l-AI.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti
L-erba’ proġetti magħżulin, b’sinerġija bejn l-akkademiċi u l-industrija, se jkunu qed jiffokaw fuq oqsma ta’ prijorità bħall-manifattura intelliġenti, it-teknoloġiji diġitali tal-futur u s- sostenibbiltà ambjentali.
Dr Tatjana Chircop, Deputat Prinċipal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-MCAST, stqarret li, minbarra din l-iskema, l-istituzzjoni edukattiva taħdem bis-sħiħ biex tibqa’ tibni l-istrutturi li jħaddmu r-riċerka. Din is-sena beda wkoll ix-xogħol fuq 12 il-proġett ġdid, minbarra dawk li baqgħu għaddejjin mis-snin ta’ qabel.
Wieħed mill-proġetti li se jibbenefika mill-iskema hu Sea2Tech, li jittratta r-riċiklaġġ tal-alka għal skop industrijali. Ir-riċerkatriċi Alexia Massa Gallucci spjegat kif dan il-proġett jista’ joffri benefiċċji ekoloġiċi sinifikanti.
L-Inġinier David Sciberras mill-kumpanija Invent 3D, li qed jikkollabora mal-proġett Sea2Tech, enfasizza l-importanza ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet għall-iżvilupp tal-industrija u tar-riċerka u innovazzjoni f’Malta.