L-Air Malta se tipprovdi biljetti bir-ritorn għall-prezz ta’ €90 għal dawk eleġibbli li jivvotaw f’Malta għall-Elezzjoni Ġenerali li se ssir fis-26 ta’ Marzu u li bħalissa jinsabu barra mill-pajjiż.
Il-prezz tal-vjaġġ jinkludi t-taxxi u spejjeż oħra.
Il-bookings jistgħu jsiru fil-call centre tal-Air Malta fuq in-numru 21418118.
Iċ-ċentru se jkun miftuħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd mit-8.00 ta’ filgħodu sad-9.00 ta’ filgħaxija u se jibda jopera minn nhar il-Ħamis 24 ta’ Frar.
Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, intqal li l-ivvjaġġar lejn Malta hu possibbli mis-16 sas-26 ta’ Marzu 2022, filwaqt li r-ritorn isir bejn is-26 u t-30 ta’ Marzu 2022 (dati inklużi).
Dawk il-persuni li jagħżlu li jivvutaw kmieni, jiġifieri fid-19 ta’ Marzu jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta bejn is-16 u t-18 ta’ Marzu biex ikunu jistgħu japplikaw l-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar sa mhux aktar tard minn 12.00pm tat-18 ta’ Marzu.
Din id-direttiva tapplika għal votanti li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fi żmien ħamest ijiem mill-pubblikazzjoni tar-Writ tal-Elezzjoni Ġenerali.