L-anzjani se jkunu jistgħu jgawdu minn korsijiet speċjali fit-teknoloġija informatika sabiex jiġu indirizzati l-effetti tas-solitudni mill-pandemija.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies.
Il-Ministru Farrugia spjega kif dan il-proġett se jservi biex jeduka l-anzjani filwaqt li jnaqqas ir-riskju ta’ mard mentali kkawżat mis-solitudni.
Qal kif, “Se jkunu qed jagħtu taħriġ fit-teknoloġija tal-informatika fuq informazzjoni ta’ kif jużaw it-tablet, il-mobile, laptops, u magħhom se nkunu qed naċċessaw għall-persuni anzjani għal apps li jħarsu lejn is-solitudni u l-wellbeing tal-anzjani għaliex aħna jinteressana min-nies.”
Huwa ħeġġeġ lill-anzjani sabiex jieħdu sehem f’dan il-programm edukattiv.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru ħabbar li miexi ġmielu x-xogħol sabiex id-djar tal-anzjani flimkien mad-‘day centres’ ikollhom aċċess għall-wifi f’kull rokna.
Huwa stqarr li proġetti bħal dawn huma essenzjali għall-inklussività tal-anzjani u jgħinu biex l-anzjani tagħna dejjem jibqgħu attivi.