Tħabbru numru ta’ emendi legali tal-kirjiet residenzjali privati li se jkunu qed joffru aktar serħan il-moħħ kemm għall-inkwilin kif ukoll għas-sidien filwaqt li jiżguraw anqas abbużi f’dan is-settur.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, fejn spjega kif permezz ta’ dawn l-emendi se jkunu qed jinqatgħu l-abbużi li hemm fil-qasam.
Dan b’mod partikolari hekk kif l-emenda tillimita l-okkupanza f’residenza sa sitt persuni, sakemm mhux mill-istess familja, fejn jekk residenza se jkollha aktar minn sitt persuni jospitaw din ir-residenza, dawn mhux se jkunu jistgħu jiġu rreġistrati u minn hemm tittieħed azzjoni xierqa fosthom multi li jitilgħu sa €10,000.
Qal, “Bħala Gvern derilna li ngħalqu t-toqob fejn ikollna sistemi ta’ abbuż bħal dawn biex b’hekk nillimitaw l-ammont ta’ nies li jista’ jinkera appartament jew residenza fil-kera biex b’hekk inkunu anke konformi mal-liġijiet tal-ippjanar li ilhom hemm għal diversi snin. Minn issa ‘l quddiem mhux ser jintlaqgħu reġistrazzjonijiet ta’ aktar minn sitt persuni, mhux tal-istess familja, biex b’hekk il-kirjiet ikunu fil-minimu tagħhom jirrispettaw ukoll il-qafas regolatorju ieħor tal-ippjanar fejn min-naħa l-oħra qed nissimplifikaw anke l-għajnuna lis-sidien biex innaqqsu l-burokrazija f’każ ta’ sostituzzjoni u anke reġistrazzjoni ta’ kuntratti.”
Ġie spjegat kif l-emendi jinkludu wkoll fost oħrajn li l-kerrej ma jistax jinħall mill-kirja mingħajr penali sakemm is-sid ma jkunx tah avviż ta’ terminazzjoni, se jitħalla jsir tiġdid espress, sostituzzjoni, żieda ta’ kerrej u terminazzjoni kunsenswali permezz ta’ proċess aktar ssimplifikat.
Dan apparti li se titwessa’ l-kompetenza tal-Panel tal-Arbitraġġ, se jsir obbligatorju li jsir inventarju liema inventarju jista’ jiġi ppreżentat esklussivament b’ritratti u kif ukoll bidliet fil-kodiċi fosthom ħall ta’ kuntratt f’każ li sid il-kera jixtieq imur jgħix fir-residenza li hi tiegħu jew f’każ ta’ bejgħ – liema proċess jinkludi li l-kerrej jiġi avżat mill-inqas tliet xhur qabel.
Ġie spjegat ukoll kif se jinħoloq reġistru li jissejjaħ Blacklisting, fejn fih se jkunu qed jitniżżlu d-dettalji ta’ persuni kemm sidien ta’ proprjetajiet kif ukoll inkwilini, li jkunu b’xi mod jew ieħor ma onorawx ċertu obbligi fosthom ħlas pendenti.
L-emendi mħabbra mhux se jkunu qed japplikaw għal residenzi li huma rreġistrati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá tad-Djar, Matthew Zerafa, spjega kif b’dawn l-emendi se jkunu qed jintlaħqu żewġ prinċipji, ir-regolamentazzjoni fejn se jiżdied aktar konformitá, kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċessi u b’hekk titnaqqas il-burokrazija.
Spjega kif b’hekk għandek relazzjoni b’mod dirett mal-Awtoritá tal-Ippjanar li sal-lum tgħid biċ-ċar li ma jistax ikun hemm iktar minn sitt okkupanti.
Qal, “L-Awtoritá tad-Djar se tkun qed iżżid li reġistrazzjonijiet ġodda, minn wara li tidħol l-emenda, ma jkunx jistgħu jiġu rreġistrati wkoll. Dak hu l-ewwel punt. It-tieni punt huwa li int kellek sitwazzjoni fejn kellek persuni f’kuntratt irreġistrati u jkun hemm sostituzzjoni. Dik sal-lum kienet li l-Awtoritá tad-Djar, tobbligak tibda kuntratt ġdid, fejn dik issa se tieqaf fejn wieħed permezz ta’ notifika se jkun jista’ jagħmel l-emendi kollha neċessarji fil-kuntratt f’każ ta’ sostituzzjoni tal-inkwilin fejn wieħed jista’ jżid u anke jnaqqas.”
Zerafa sostna li b’hekk qed jiġi assigurat li s-suq tal-kera jibqa’ joffri opportunitajiet ta’ għixien dinjituż u stabbiltà għall-familji Maltin u Għawdxin.