Ġew imnedija l-iskemi l-ġodda ta’ fondi Ewropej għan-negozji żgħar u medji; fondi li jammontaw għal sittax-il miljun u ħames mitt elf ewro (€16.5 miljun).
Dawn l-iskemi l-ġodda se jkunu wkoll issimplifikati, kif kien wiegħed il-Gvern f’Jannar li għadda meta ħabbar il-programmi operattivi għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027. Dakinhar, il-Gvern impenja ruħu li n-negozji jkollhom l-iktar aċċess faċli possibbli għal dawn il-fondi.
FIl-fondi ġodda tħabbru waqt konferenza organizzata minn Servizzi Ewropej Malta (is-SEM) li għaliha attendiet il-komunità kummerċjali. Fiha ġie diskuss il-progress li sar u t-triq ’il quddiem għas-simplifikazzjoni fil-proċess tal-fondi Ewropej, fejn qed tkun eliminata l-burokrazija bla bżonn.
Fost il-bidliet konkreti li diġà saru fl-aħħar xhur hemm it-tnaqqis fl-applikazzjoni minn 90 għal 25 paġna, it-tneħħija tal-bżonn ta’ pjan ta’ negozju f’ċerti applikazzjonijiet, u t-tisħiħ fil-komunikazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ b’lingwaġġ li jqarreb il-fondi lejn il-komunità kummerċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li din il-ħidma turi bidla fil-perspettiva, fejn qed tintwera iktar fiduċja fl-għarfien tan-negozji, b’sens ta’ ġustizzja u inklussività, bil-prijorità tkun li jgħinu u mhux jeskludu lil min ħaqqu aċċess għall-Fondi Ewropej. Saħaq li dawn il-bidliet se jiftħu era ġdida fejn il-proċessi jgħinu u mhux itellfu l-progress.
“Issa għandna wkoll l-iskemi kollha li ħerġin b’sistema sempliċi għax irridu lin-negozji jieħdu dawn il-flus, jinvestu, u jkabbru. Jikbru huma, tikber l-ekonomija tagħna.”
Segretarju Parlamentari Chris Bonett
Ġie spjegat li l-pass li jmiss fis-simplifikazzjoni huwa d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi kollha fil-qasam tal-Fondi Ewropej. Dan jinkludi traċċar f’ħin reali tal-applikazzjonijiet, notifikazzjonijiet kontinwi b’aġġornamenti dwar l-applikazzjonijiet, u aċċess 24 siegħa kuljum għall-gwida lill-applikanti. Se jiżdiedu wkoll in-numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u sessjonijiet ta’ informazzjoni biex jinstemgħu l-vuċijiet kollha qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Iktar tagħrif fuq dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni jinstab fuq: https://fondi.eu/.