Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ħabbar it-tnedija tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat.
L-għan ta’ din l-inizjattiva hi li tagħti rikonoxximent lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur, fejn bil-kontribuzzjonijiet tagħhom jagħmlu soċjetà aħjar.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, f’konferenza tal-aħbarijiet iddeskriviet dawn il-premjijiet bħala vetrina ta’ role models.
“Dawn il-premijiet huma vettrina ta’ wħud mill-aqwa xogħlijiet li qed isiru f’pajjiżna u wkoll ta’ persuni li jservu ta’ role models għal żgħażagħ, tfal u ġenerazzjonijiet li tilgħin.”
Apparti l-premju prinċipali, li huwa l-Premju Nazzjonali tal-Voluntier tas-Sena, hemm ukoll diversi oħrajn.
Dawn jinkludu l-Premju Voluntier Żagħżugħ/a li huwa għal dawk ta’ bejn 16 u 30 sena, Premju Nazzjonali għal Organizzazzjoni Volontarja, u Premju għal Kumpanija privata li ddistingwiet ruħha fis-sapport li tagħti.
Hemm ukoll, għat-tieni sena, il-Victor Calvagna Children Volunteer Award, li jingħata lil voluntier ta’ bejn 10 u 15-il sena. Jiġi ppreżentat ukoll premju speċjali għas-servizz volontarju, li jingħata direttament mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għal servizz eċċellenti fis-settur tal-volontarjat.
Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, qalet li dan il-premju jkompli jibni fuq it-tema prinċipali li għażel il-Kunsill għall-okkażjoni tal-għeluq tal-15-il sena mit-twaqqif tiegħu, li hija dik li nagħtu l-vuċi u viżibilità lis-settur tal-volontarjat.
Minn naħa tiegħu, is-Sur Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, għamel appell lill-għaqdiet u lill-voluntiera biex jagħżlu lil entitajiet u persuni li jafu li qegħdin jagħmlu l-ġid u jinnominawhom.
“Minn nhar il-Ġimgħa ħa jkunu qed joħorġu l-applikazzjonijiet online, applikazzjonijiet li jinstabu fuq il-VO Funding Portal, vofunding.org.mt b’tali mod li l-individwi hemm barra jistgħu jinnominaw kemm lill-għaqdiet, kemm lill-indvidwi żgħażagħ u anke tfal b’tali mod li nuru x-xogħol u l-ħidma tagħhom.”
Il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat huwa inizjattiva mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Il-formoli, li għandhom jimtlew sabiex jiġu sottomessi n-nominazzjonijiet mill-pubbliku, fetħu l-Ġimgħa 29 ta’ Settembru u jagħlqu l-Ġimgħa 27 t’Ottubru 2023 f’nofsinhar. Dawn jinkisbu mill-portal vofunding.org.mt. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet ser issir fil-5 ta’ Diċembru 2023, b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat kommemorat min-Nazzjonijiet Uniti.
Aktar informazzjoni mis-sit tal-Kunsill, maltacvs.org u minn vofunding.org.mt.