Il-Palazz Buckingham ħabbar id-dettalji tal-inkurunazzjoni tar-Re Karlu III.
L-indikazzjonijiet juru li l-inkurunazzjoni mhux se tkun bħal dik t’ommu, ir-Reġina Eliżabetta II, fid-dawl tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja Ii bħalissa għaddej minnha r-Renju Unit.
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jieħdu l-medda tagħhom fuq tlett ijiem, bl-inkurunazzjoni ssir nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju u l-Coronation Big Lunch u l-Coronation Concert li se jsiru l-għada, il-Ħadd.
Min-naħa l-oħra, it-Tnejn se tkun btala pubblika, u l-pubbliku se jkun mistieden jagħmel xi volontarjat fil-komunità rispettiva tiegħu.
L-inkurunazzjoni se ssir waqt servizz reliġjuż immexxi mill-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby. Hemmhekk se tingħata ħarsa lejn l-irwol tal-monarka llum filwaqt li tħares lejn il-futur u tonora t-tradizzjoni.
Ir-Re Karlu III u r-Reġina martu, Camilla, se jaslu f’Westminster Abbey permezz ta’ purċissjoni magħrufa bħala “Il-Purċissjoni tar-Re” u wara l-inkurunazzjoni ssir “Il-Purċissjoni tal-Inkurunazzjoni”, fejn se jkunu akkumpanjati minn membri oħra tal-Familja Rjali.
Wara, dawn se joħorġu fil-gallarija tal-Palazz Buckingham sabiex isellmu lill-pubbliku.
S’issa, għad m’hemmx indikazzjoni ta’ min mill-membri tal-Familja Rjali se jipparteċipa fil-purċissjoni u joħroġ fil-gallarija.