Tħabbar il-programm dettaljat għall-funeral ta’ Monsinjur Victor Grech li kif diġà ħabbar il-Gvern, se tkun qed tingħatalu tislima xierqa wara li wettaq ġid straordinarju fis-soċjetà Maltija.
Il-funeral se jkun qed isir nhar is-Sibt 8 ta’ Frar fl-10:30am b’quddiesa praesente cadavere li se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Il-quddiesa se tkun ikkonċelebrata minn Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.
Minbarra hekk, il-ġimgħa 7 ta’ Frar, Monsinjur Grech se jkun espost għall-pubbliku fiċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas bejn 10:30am sa 1:00pm u 3:00pm sa 6:00pm.
Fiċ-Ċentru ser ikun hemm ukoll il-ktieb tal-kondoljanzi fejn il-pubbliku jkun jista’ jiffirma.
Dakinhar tal-funeral, fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu, il-Korteo funebri se jkun qed jitlaq miċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas fejn se tingħata tislima mir-residenti.
Imbagħad se tkun qed tingħata tislima mill-Kleru tal-Parroċċa ta’ Marija Immakulata u mir-residenti Tal-Ibraġ fejn Monsinjur Grech kien residenti u serva bħala saċerdot għas-servizz tal-komunità.
Minn hemmekk il-Korteo funebri jitlaq lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Wara l-Quddies, il-funeral ikompli f’forma strettament privata.
Dakinhar, il-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi għandhom jittajru mezz’asta.