Il-Malta Military Tattoo se ssir nhar l-14 u l-15 ta’ Ottubru 2017 fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC)
f’Ta’ Qali.
Dan tħabbar dalgħodu mill-organizzaturi fi ħdan l-MFCC, flimkien mad-deputat CEO tal-Awtorita’ Maltija
għat-Turiżmu u kap tal-iżvilupp strateġiku, is-sur Leslie Vella.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta, l-organizzaturi spjegaw li l-Malta Military Tattoo
huwa avveniment annwali li jlaqqa’ baned militari u talenti oħra fi spettaklu adattat għal udjenza ta’ kull eta’.
Waqt l-avveniment jipparteċipaw baned militari lokali u internazzjonali, għalhekk hija okkażjoni tajba biex
jintwera t-talent tal-mużiċisti u eżebituri.
Din is-sena se jipparteċipaw l-Forzi Armati ta’ Malta u d-Drill Team, il-banda tal-Pulizija ta’ Malta flimkien
mad-Drill Team, The Massed Pipes and Drums minn Malta, il-Chorley the Cord u Culcheth Pipe Band
mill-Ingilterra, il-band Tagil mir-Russja u l-Moscow Youth Dance Company. Il-mużika se tkun imħallta, bejn siltiet
popolari u temi aktar klassiċi, iżda lkoll f’kuntest ta’ parata ta’ marċ militari.
Id-deputat CEO tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u kap tal-iżvilupp strateġiku, is-sur Vella nnota li din hija
l-erbatax-il edizzjoni tal-Malta Military Tattoo, u l-MTA tappoġja dan l-avveniment għax huwa meqjus bħala
opportunita’ tajba biex il-gżejjer Maltin ikunu esposti minn aspett kulturali u minn aspett ta’ wirt mużikali. L-għan
hu li jkun hemm sinerġija bejn talenti lokali u dawk barranin, biex b’hekk it-turiżmu kulturali jkun sostnut. Dan
huwa avveniment uniku għal pajjiżna, għaliex jinkludi stil differenti ta’ mużika minn dak li normalment wieħed
ikun imdorri jisma’. Għalhekk iqanqal l-interess ta’ tip ta’ turist differenti minn dak li ssoltu jżur il-gżejjer Maltin.
Qal li l-Malta Military Tattoo, li sseħħ kull sena f’Ottubru, sar appuntament regolari fil-kalendarju ta’ avvenimenti
f’Malta. Attivitajiet simili organizzati fi staġuni li mhumiex fis-sajf ikompli jżidu l-valur ta’ Malta bħala
destinazzjoni tajba tul is-sena kollha, u b’hekk tonqos l-istaġjonalita’.