Tħabbru d-dettalji tat-tmin edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival. Avveniment li se jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ juru x-xogħlijiet u l-istejjer tagħhom.
Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti.
Dan l-avveniment annwali qed jiġi organizzat mill-Malta Film Foundation u l-Aġenzija Żgħażagħ, b’kollaborazzjoni mal-Malta Film Commission.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellmu tliet produtturi żgħażagħ li rebħu dan il-festival, fosthom Jeremy Vella fl-2020.
“Li għandna festival magħmul għaż-żgħażagħ Maltin, magħmul għaż-żgħażagħ, narah jien bħala importanti ħafna. Tagħtina dik il-platform, dik qisha t-timbru uffiċjali u anke opportunità biex nuru l-films lil kulħadd.”
Jeremy Vella, Produttur Żagħżugħ tal-films
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti qal li jħares ’il quddiem lejn il-produzzjonijiet taż-żgħażagħ.
“Dan hu festival importanti ħafna, fejn dan hu festival organizzat għall-produtturi żgħażagħ, imma dawn il-films għandhom jittrattaw suġġetti u jkunu jappellaw għall-udjenza żagħżugħa.”
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari
F’din l-edizzjoni se jintrebħu seba’ premjijiet, bl-aqwa film se jirbaħ €600. L-applikazzjonijiet għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-30 sena jinsabu miftuħa sal-25 ta’ April li ġej.
Ir-rebbieħa se jitħabbru f’Ġunju li ġej.