Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li 64 parteċipant se jieħdu sehem fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji din is-sena.
Il-parteċipanti se jkunu maqsumin f’kategoriji bħal presepju mekkaniku kbir; presepju statiku kbir; presepju ta’ qies medju (mezzan); presepju żgħir; presepju Malti; xogħol ta’ pasturi li jinħadmu lokalment minn 1ċm-20ċm; xogħol ta’ pasturi li jinħadmu lokalment 20ċm ’il fuq; u l-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tal-postijiet fejn ħa jkunu esebiti dawn il-presepji.
Il-Ministru Bonnici spjega li din is-sena se tiġi introdotta mappa interattiva permezz ta’ QR code, li se tgħin lill-viżitaturi jsibu l-presepji f’diversi lokalitajiet.
“Dan se jagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex jesploraw il-wirjiet,” hu qal, waqt li appella biex jinżamm l-ispirtu tal-kreattività u t-tradizzjoni.
Il-presepji se jkunu miftuħa għall-pubbliku bejn is-16 ta’ Diċembru sal-5 ta’ Jannar li ġejjin, bejn il-5.30 p.m. u t-8.30 p.m., kif ukoll filgħodu fil-Ħdud u l-festi.