Hekk kif fadal biss ftit ġimgħat għall-aħħar tas-sena, kollox jinsab lest biex fil-kapitali jsiru ċelebazzjonijiet kbar.
Fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, tħabbru d-dettalji għal dan l-avveniment tant mistenni fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
L-organizzaturi qed jantiċipaw li folla enormi terġa’ tattendi għal dan l-avveniment tant li mistenni jkun hemm ’il fuq minn 50,000 persuna, li jgawdu l-ispettaklu minn diversi artisti lokali u anke internazzjonali stabbiliti, fosthom Ira Losco, The Red Electric u Shaun Farrugia.
Hekk kif is-serata tilħaq il-milja tagħha, se tingħata prestazzjoni speċjali mill-artista famuża internazzjonali CASCADA, li ħafna jafuha għal kanzunetti popolari, bħal “Evacuate the Dancefloor” u “Everytime we touch”.
Eżatt qabel il-countdown ta’ nofsillejl, imbagħad, DJ Koroma, DJ Miggy u DJ D-REY se jkunu qed iferrħu lill-folla fil-Belt u dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar mill-Port il-Kbir biex jingħata bidu kif jixraq għall-2025.
Iċ-Ċermen tal-VCA sostna li jinsab onorat li, għal darb’oħra, se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali bla ħlas f’Lejlet l-Ewwel tas-Sena, li wkoll jagħmel parti mill-programm kulturali ‘Christmas in the Capital’ li jiftaħ il-Ħadd li ġej.
“L-artisti lokali huma fost l-aqwa li għandna – Ira Losco, Shaun Farrugia, Kevin Paul, Red Electric. Imma magħhom ukoll se tingħaqad l-artista ta’ fama internazzjonali CASCADA. Ma’ dawn għandna logħob kbir tan-nar fil-Port il-Kbir mat-tokki ta’ nofsillejl u sorpriżi fi Pjazza San Ġorġ, li naturalment il-pubbliku se jkun jista’ jinnota dakinhar filgħaxija mat-tokki ta’ nofsillejl u sakemm nilqgħu s-sena l-ġdida għall-2025. Se jkunu ċelebrazzjonijiet kbar ħafna f’isem l-Aġenzija tal-Belt Valletta bix-xieraq lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Il-Ministru Bonnici kompla li dan l-ispettaklu hu opportunità biex insellmu bl-aqwa mod is-sena 2024 u nilqgħu s-sena l-ġdida.
“Jiena nemmen li din hi opportunità ta’ għaqda nazzjonali, meta niġu hawnhekk fl-Ewwel tas-Sena f’dan il-kunċert, ikun hawn il-poplu Malti u Għawdxi u turisti li jżuruna li jaraw dak li jgħaqqadna, jaraw dak li jġibna flimkien. Hekk nixtieq li jkun dan il-kunċert, opportunità li niċċelebraw dak li jagħmilna magħqudin flimkien biex nilqgħu s-sena l-ġdida bi spirtu pożittiv.”
Din iċ-ċelebrazzjoni nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta hi organizzata minn G7 Events bi ftehim ta’ sħubija għal avvenimenti u inizjattivi fuq skala kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali. L-avveniment ukoll hu appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Għal aktar informazzjoni, wieħed għandu jżur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.