L-abitat naturali hu t-tema ewlenija tal-Valletta Green Festival ta’ din is-sena li ser jittella’ bejn it-28 ta’ April u l-1 ta’ Mejju. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena apparti l-infjorata fi Pjazza San Ġorġ se jkunu qed isiru diversi inizjattivi oħra madwar il-Belt. Dettalji dwar din l-edizzjoni ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet miċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef flimkien mal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.
Micallef tenna, “L-ewwelnett din is-sena wara sentejn infila se tkun miftuħa għall-pubbliku kollu kemm hu allura l-istedina tagħna għall-pubbliku kif dejjem ikonkora bil-kbir għal Valletta Green Festival jerġa’ jagħmel l-istess din is-sena minħabba lill-aħħar sentejn kienu mitiefsa bil-Covid. Din is-sena li hija d-disa’ edizzjoni għandna diversi innovazzjonijiet fosthom żieda ta’ ħmistax fil-mija ta’ spazji ħodor fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta.”
Bħas-soltu l-attrazzjoni prinċipali se tkun l-infjorata tal-fjuri fi pjazza San Ġorġ.
Qal, “L-infjorata dejjem ikollha messaġġ qawwi ambjentali, din is-sena l-messaġġ huwa l-abitat naturali u allura se niffukaw fuq iż-żrinġ li hi speċi mhedda sfortunatament f’pajjiżna u se jkollna diversi informazzjoni fuq l-abitat u l-biodiversità marbut mal-infjorata li se tkun sabiħa minnha nnifisha.”
Micallef qal li din is-sena, dan il-festival ser ikollu diversi innovazzjonijiet oħra u ġodda.
Jason Micallef tenna, “L-innovazzjoni hi li għal din is-sena se jkun is-Sibt 30 ta’ April fejn se nkunu qed nintroduċu l-ewwel dog walk fil-Belt Valletta, naturalment b’ħafna logħob. Għalija l-annimali u l-ambjent imorru flimkien u għalhekk inżommuha kull sena.”
Ryan Cutajar minn Rough Mudder spjega x’se jkun qed jiġri fi Ġnien Laparelli.
Cutajar qal, “Bażikament f’Laparelli Gardens ddeċidejna li narmaw obstacle course tal-klieb, hija rough mudder li ġejja minn tough mudder which is an obstacle course event għan-nies imma għandha branch għan-nies. Hija l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li qed tagħmilha fejn ikun hemm obstacles armati fejn tista’ tgħaddi mal-klieb.”
Intant il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet kif permezz ta’ dan il-festival għandu jingħata messaġġ b’saħħtu favur l-ambjent. Żiedet tgħid li diversi entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li tmexxi se jkunu preżenti f’dan il-festival sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar diversi aspetti ambjentali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-kultura Owen Bonnici qal li l-kultura u l-ambjent imorru flimkien u dan l-appuntament annwali għalhekk huwa sabiħ u daqstant importanti għax iġib iż-żewġ setturi flimkien. Qal kif fl-aħħar snin is-settur ambjentali ngħata spinta ’l quddiem.