Hekk kif fil-31 ta’ Marzu li ġej, pajjiżna se jkun qed ifakkar s-46 sena minn Jum il-Ħelsien, il-Partit Laburista ħabbar attivitajiet b’rabta ma’ din il-ġrajja storika li se jibdew mill-Ġimgħa 21 ta’ Marzu mill-Imtarfa u jintemmu biċ-ċerimonja tradizzjonali fit-30 ta’ Marzu fil-Birgu, bit-tema ‘Ħelsien: il-ġid għall-Maltin’.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba sostna li n-newtralità u s-sovranità ta’ Malta f’Jum il-Ħelsien għadhom relevanti sal-lum, meta l-Prim Ministru Robert Abela u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista ħadu pożizzjoni favur il-paċi u d-djalogu.
“Però b’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ħa nkunu qegħdin nuru l-importanza li n-newralità tagħna għandha llum il-ġurnata u kemm Dom Mintoff kellu raġun 46 sena ilu meta ħadem u ġġieled sabiex pajjiżna jkun newtrali u ma jibqax bażi militari.”
Alex Agius Saliba, Deputat Mexxej tal-PL
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay qal li ċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni fl-Imtarfa se jservi ta’ sfond għad-diskussjoni li se ssir dwar il-bidla ekonomika li seħħet f’pajjiżna mill-Ħelsien sal-lum il-ġurnata fit-23 ta’ Marzu.
“Għall-ewwel darba, iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, ħa jkun ikkonvertit f’ċinema fejn ħa nkunu qegħdin nuru doku-film imtella’ mill-Partit Laburista dwar din il-ġrajja storika. Ħa nkunu qegħdin naraw sensiela ta’ intervisti ħelwin ħafna u allura nagħmel stedina għal kull min hu interessat biex għall-Ġimgħa 23 ta’ Marzu jattendi ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. ”
Leonid McKay, Kap Eżekuttiv tal-PL
Dan filwaqt li matul il-ġimgħa bejn it-Tnejn 24 u l-Ġimgħa 28 ta’ Marzu se jixxandar programm kuljum fuq ir-radju u se jixxandru sensiela ta’ intervisti qosra ma’ persuni li għexu dan il-mument storiku ta’ Jum il-Ħelsien fuq l-istazzjonijiet ONE.
Il-qofol tal-attivitajiet jintlaħaq il-Ħadd 30 ta’ Marzu filgħaxija, biswit il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu, fejn se ssir iċ-ċerimonja tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien.