Żewġ kumpaniji fil-qasam tal-Blockchain għażlu lil pajjiżna biex ikomplu jinvestu fl-industrija, li hi wkoll waħda min-niċeċ ekonomiċi ġodda li żviluppaw fostna fl-aħħar snin.
Dan il-qasam, li joffri mpjiegi tal-ogħla kwalità, mhux biss qed joffri iżjed opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, iżda llum anke l-President elett Amerikan Donald Trump għamel enfażi dwarha fid-diskors inawgurali tiegħu f’Capitol Hill nhar it-Tnejn.
Fil-midja internazzjonali ġie rrapportat kif Gemini, wieħed mill-akbar exchanges fid-dinja, imwaqqaf fl-2014 mill-aħwa Winklevoss, pijunieri fil-cryptocurrency u fost l-ewwel investituri kbar tal-Bitcoin, se tirriloka lejn Malta mill-Irlanda ta’ Fuq.
Dan hekk kif Gemini qed tirrikonoxxi lil pajjiżna bħala hub ta’ konformità mal-qafas Ewropew għas-swieq tal-Crypto-Assets, fejn l-ambjent regolarju u s-sostenn lokali għall-qasam tal-Fintech u l-assi diġitali ġew introdotti minn Gvernijiet Laburisti fl-aħħar snin.
Mark Jenning, Kap ta’ Gemini fl-Ewropa, ġie kkwotat jgħid li l-fatt li ntagħżlet Malta juri impenn biex jinżammu standards regolatorji, titjib fl-innovazzjoni u futur aktar b’saħħtu ta’ assi diġitali internazzjonali fejn diġà jservu 32 pajjiż.
Din il-kumpanija kienet bdiet it-taħditiet f’pajjiżna mal-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schebri, fl-2018, fi żmien li l-Partit Nazzjonalista kien beda wkoll kampanja sistematika biex jostakola l-impenn għall-inklinazzjoni lejn din l-industrija innovattiva, inkluż b’żeblieħ kontinwu.
Sadanittant, kumpanija oħra ġdida, bl-isem ta’ Qamar Ventures, ħabbret li bdiet topera minn pajjiżna bi pjani li tinvesti €10 miljun fiż-żmien li ġej.
L-imprenditur Brittaniku Alexander Dreyfus, li hu wkoll il-moħħ wara l-kumpaniji oħrajn kbar tal-Blockchain u l-isports, Chilliz u Socios.com, li għadha kemm ingħatat liċenzja biex topera f’pajjiżna, tenna li Qamar Ventures tirrappreżenta pass importanti għall-ekonomija diġitali f’pajjiżna.
Dan l-investiment qed jitqies bħala wieħed ambizzjuż li għandu l-għan li jittrasforma l-midja diġitali, flimkien mat-teknoloġija, id-divertiment u l-isports.
Fi stqarrija, Dreyfus qal li, wara 15-il sena residenti f’Malta, jara potenzjal u talent enormi fl-opportunitajiet li jeżistu fis-settur lokali. Tenna li dan l-investiment għalih ifisser impenn biex ikompli jgħin fit-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku Malti u biex pajjiżna jkun ċentru ta’ innovazzjoni u eċċellenza.