Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar is-sit ‘Tas-Sisla’ f’Birkirkara, fejn fl-aħħar jiem bdew ix-xogħlijiet għal 73 appartament għall-akkomodazzjoni affordabbli.
Il-proġett, li jinsab bejn Triq il-Qanpiena u Triq Mons Ġużeppi Camilleri f’Birkirkara, jinkorpora 73 appartament f’sitt blokok kollha aċċessibli, flimkien ma’ 56 spazju ta’ parkeġġ, u 400 metru kwadru spazju miftuħ mifrux mal-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar li kważi kwart tal-appartamenti li se jinbnew, iġifieri 17-il unit, ħa jkunu wheelchair accessible bi kmamar tal-banju aċċessibbli wkoll.
Fis-sit bħalissa għaddej ġmielu xogħol ta’ skavar u tħaffir.
“B’dan il-proġett rajna li jaqdi l-bżonnijiet ta’ dawk li għandhom bżonn akkomodazzjoni affordabbli, iżda tajna wkoll importanza lil kwalitá tal-ħajja. Għaldaqstant, 85% tal-appartamenti kollha se jkollhom xi tip ta’ spazju miftuħ,” ssokkta jgħid Roderick Galdes.
Hu temm jirringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara mmexxi minn Joanne Debono Grech, u lil Malita Investments plc li qed jiffinanzjaw u jimmaniġġjaw is-siti, tal-kooperazzjoni tagħhom.
L-istorja ta’ dan il-proġett tmur lura għall-2004 meta l-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien applikat għal 46 appartament, 5 penthouses, 7 ħwienet kummerċjali u 57 garaxx. Madankollu, fl-2015 il-Gvern neħħa l-ispazji kummerċjali u l-penthouses, biex iħallu aktar spazju għall-appartamenti. Il-permess inħareġ f’Settembru li għadda.
Dan is-sit hu wieħed minn sittax li b’kollox se jwasslu għall-kostruzzjoni ta’ 680 appartament għal akkomodazzjoni affordabbli.