Statistika ppubblikata mill-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet CNN uriet kif Malta hija t-tmien l-aktar pajjiż fid-dinja li laqqmet kompletament il-popolazzjoni tagħha biż-żewġ dożi tal-vaċċin għall-Covid-19.
L-istatistika li ngħatat prominenza mis-CNN turi li Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li laqqmet kompletament nies kontra l-Coronavirus.
L-Iżrael jibqa’ l-aktar pajjiż li laqqam nies fid-dinja, segwit minn Ġibiltà li hija territorju tar-Renju Unit.
Sa issa Malta laqqmet bl-ewwel doża 14% tal-popolazzjoni.
Intant d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne qal li disgħin fil-mija ta’ persuni bejn il-ħamsa u tmenin u d-disgħa u tmenin sena ħadu l-ewwel doża, filwaqt li kważi sebgħin fil-mija minnhom ħadu t-tieni doża.
Fi tweġiba li ta fil-Parlament Chris Fearne spjega li t-tilqim tal-anzjani ta’ ‘l fuq minn disgħin sena miexi ġmieli wkoll, hekk kif ħamsa u tmenin fil-mija ta’ dawn in-nies irċevew l-ewwel doża tal-vaċċin, u tnejn u sittin fil-mija ta’ dan il-grupp irċevew ukoll it-tieni doża.
Qal ukoll li żewġ terzi ta’ dawk bejn it-tmenin u l-erbgħa u tmenin sena ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin għall-Covid-19.
Spjega kif l-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu ’l fuq minn għaxart elef invit għall-persuni fil-kategorija tal-età msemmija.
Huwa qal ukoll li se jibqgħu jintbagħtu l-inviti lill-persuni li ma rċevewx l-inviti fi djarhom.
Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll li ftit aktar minn tlieta u għoxrin elf persuna huma meqjusa bħala vulnerabbli u kważi 14% minnhom diġà tlaqqmu bl-ewwel doża għall-Covid-19.