B’investiment ta’ sbatax-il miljun ewro tnieda pjan strateġiku biex il-widien f’pajjiżna jiġu mmaniġjati b’mod aħjar.
Dan qed isir b’kollaborazzjoni bejn Parks Malta u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u b’ko finanzjament minn fondi Ewropej biex flimkien mal-immaniġġjar tal-widien jiżdied ukoll l-għarfien xjentifiku tal-widien f’Malta u Għawdex.
Fil-fażijiet preliminari ta’ dan il-pjan diġà saru studji dettaljati dwar l-ekoloġija u l-idroloġija f’iżjed minn tmenin kilometru ta’ widien.
Dawn id-dettalji wasslu għall-pjan mħabbar flimkien ma’ gwidi tekniċi fuq is-sistema tal-widien f’sittax-il lokalità f’Malta u Għawdex.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li fl-ewwel fażi ta’ dan il-pjan li minnu Parks Malta se toħroġ miljun u tmien mitt elf ewro, se ssir konsultazzjoni pubblika bil-għan li l-widien ikomplu jservu ta’ attrazzjoni kemm għal Maltin kif ukoll viżitaturi f’pajjiżna.
Hija spjegat: “L-għan tagħna huwa li jkollna studju biċ-ċar, stampa ċara tal-widien kollha f’pajjiżna biex hemmhekk inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar esperjenza għall-familji Maltin u Għawdxin.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Michael Farrugia semma li l-Aġenzija tal-Enerġija u l-ilma se tkun qed tara li f’dan il-proġett titwettaq il-politika tal-ilma tal-Unjoni Ewropea u li tqajjem għarfien li l-ilma huwa riżors skars.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-fondi Ewropej allokati għal din l-inizjattiva huma ‘l fuq mill-pakkett finanzjarju Ewropew elfejn u erbatax – elfejn u għoxrin.
L-Onor. Zrinzo Azzopardi sostna: “Dan il-masterplan se jkompli jgħin biex nilħqu miri kemm ambjentali kif ukoll fuq kollox affarijiet dwar l-ilma, il-passaġġ minn ġol-widien li jorbot ukoll ma’ diversi inizjattivi oħrajn li għandna permezz ta’ dan il-proġett.”