Sport Malta se tkun qed tniedi edizzjoni oħra tal-programm On The Move.
Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif propju ninsabu fi tmiem il-ġimgħa ewropea għall-isport.
Cutajar spjega kif Malta kienet koordinatriċi f’din il-ġimgħa li tant importanti għall-isport madwar l-Ewropa kollha.
Kien hawn li l-Kap Eżekuttiv ħabbar it-tiġdid tal-programm On the move għax-xhur tal-Ħarifa u x-Xitwa.
Mark Cutajar stqarr, “Sport Malta toffri l-programm On the Move li jagħti aċċessibilita għall-programmi mit-Tnejn sas-Sibt wara l-iskola u anke s-Sibt filgħodu u dan nagħmluh billi nżommu l-prezzijiet baxxu u ma jogħlew qatt biex kulħadd ikollu aċċessibiltà għal dan il-programm u nagħmluh fi spazji varji madwar Malta u Għawdex biex kulħadd isib l-ispazju fejn jagħmlu l-programmi tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima sostna l-importanza tal-aċċessibiltà, l-edukazzjoni u l-volontarjat fi ħdan dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari sostna, “Qed issir propju enfasi li l-isport huwa parti sħiħ minn dik li hija l-edukazzjoni li rridu noffru lil pajjiżna u qed issir enfasi wkoll fuq l-aspett volontarju.”