B’investiment ta’ €300,000, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qed iwettaq proġett ta’ tisbiħ fi spazju rikreattiv pubbliku f’Ħaż-Żebbuġ.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet fi Triq il-Mitħna f’Ħaż-Żebbuġ hekk kif spjega li dan il-proġett imbuttat mill-Kunsill Lokali u li jinsab fil-qalba ta’ żona ta’ akkomodazzjoni soċjali ser itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fl-inħawi.
Ix-xogħol mistenni jibda mix-xahar id-dieħel.
Il-Ministru Borg spjega li dan ix-xogħol mistenni jibdel totalment dan l-ispazju f’wieħed aktar akkoljenti u li joffri mistrieħ.
Fil-fatt spjega kif dan ser ikun qed jinkludi fi ħdanu kemm faċilitajiet rikreattivi għat-tfal u anke postijiet ta’ mistrieħ għall-adulti li ser ikunu qed jiffrekwentaw dan l-ispazju.
Intant ġie spjegat ukoll kif ix-xogħlijiet ser jaraw li jinkludu wkoll faċilitajiet għal min juża r-roti, sistema ta’ immaniġġjar tal-ilma tax-xita, tħawwil ta’ siġar u installazzjoni ta’ dwal
Il-Ministru Borg qalm, “F’żoni bħal dawn jgħixu minn anzjani sa koppji li għad għandhom it-tfal żgħar u allura d-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi qed jilħaqq disinn ta’ proġett sabiħ, investiment ta’ €300,000 sabiex naraw li l-komunitajiet tagħna inkluż hawnhekk f’Ħaż-Żebbuġ ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”