Il-Gvern se jkun qed ivara proġett ġdid ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia hekk kif sostna li permezz ta’ dan il-proġett, il-ġnien li jmur lura għas-seklu sittax, se jkun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia spjega li dan il-Gvern se jkun qed isostni l-bżonn ta’ pulmun aħdar fiż-żona.
Spjega wkoll li l-proġett se jkun maqsum f’fażijiet differenti, bl-ewwel fażi tinvolvi investiment ta’ miljun ewro u li se jkun qed jinkludi bandli magħmul minn materjali naturali, ġnien iddedikat għal attivitajiet ta’ ġardinaġġ għat-tfal; manutenzjoni fuq il-ħitan u karatteristiċi storiċi oħra bħas-sienja, il-ġibjun tal-ilma tax-xita u s-sistema ta’ irrigazzjoni bl-użu ta’ kanali għall-ilma li tmur lura għas-seklu dsatax.
Il-Ministru Farrugia qal,”Fit-tieni stadju qed naraw imbagħad li r-razzett li hawn warajha li ilu mitluq għal ħafna snin, jiġi restawrat u jinbidel f’kitchen garden bħalma naraw fil-ġonna ta’ San Anton u allura qed naraw kunċett sħiħ ġdid ta’ kif għandhom ikunu spazji miftuħa bejn issa u ż-żmien li ġej għall-familji Maltin u Għawdxin.”
Intant il-Ministru Farrugia spjega kif ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru mill-fergħa tal-WasteServ, GreenServ li timplimenta proġetti mmirati li jħaddru żoni urbani.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca stqarr: “Ħa ndaħħlu modi sostenibbli ta’ bandli ġodda wkoll magħmulin minn injam u materjali oħra li forsi l-poplu Malti ma tant huwa mdorri magħhom u hekk bħala parti mix-xogħol tal-GreenServ se nimplimentaw il-kunċett li wieħed jista’ jgawdi n-natura b’mod li ma jagħmilx impatt negattiv.”