Ħafna jafu bil-leġġenda tal-Kurċifiss Mirakoluż ta’ Ġieżu fil-Belt.
Il-leġġenda ddur mal-wiċċ sabiħ ta’ Kristu tturmentat bl-uġigħ tal-passjoni fejn jingħad li l-kurċifiss sar mill-anġli minħabba l-perfezzjoni tagħha. Dan wara li l-artist Frate Innocenzo da Petralia qam darba filgħodu u sab ir-ras tal-istatwa lesta.
Fl-aħħar xhur, is-salib ġie eżamaminat permezz ta’ dawl speċjali li kixef bosta ħsarat li ġarrab tul is-snin.
Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li l-kurċifiss mirakoluż tas-seklu 17 ssirlu konservazzjoni estensiva mill-Konsorzju għall-Konservazzjoni tal-Arti bl-għajnuna tal-Bank of Valletta.
F’konferenza tal-aħbarijiet qabel jibda x-xogħol, il-mexxej tal-proġett Dr Christian Attard qal r-restawr se jiġi akkumpanjat bi studju storiku li jista’ jitfa’ dawl ġdid fuq l-awtur u l-kuntesti storiċi u artistiċi li nħadem fihom:
“Forsi mad-daqqa t’għajn il-kurċifiss jidher li huwa fi stat mhux ħażin imma meta ġie eżaminat minn dawl apposta ndunajna li għandu ħsarat. Hemm detachment fiż-żebgħa hemm problemi ta’ ħmieġ u problemi ta’ susa. Jiġifieri żgur li wasal iż-żmien li xi ħadd iduru sewwa”.
Il-Kap Konservatur Fr Charles Vella qal li minn studju fiżiku preliminari li sar fl-aħħar xhur ħareġ li xbieha għandha ħsarat konsidervoli:
“Dan qed isir kollu fi programm xjentifiku importanti u kollox qed jiġi analizzat minn taħt il-lenti tax-xjenza mhux sempliċiment li jaraw l-għajnejn. Allura l-proposti kollha li jridu jsiru l-quddiem biex isir dawn l-interventi ovjament ikunu proposti sempliċiment mhux li tara l-għajn imma proposti xjentifiċi”.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Mario Mallia qal l-bank daħal għal dan il-proġett minħabba d-devozzjoni kbira li l-Maltin għandhom lejn dan il-kurċifiss.