Il-Gvern ħabbar proġett pilota ta’ pannelli solari li huma installati fuq is-soqfa tal-vetturi, liema proġett jinsab fi stadju ta’ testing mill-kumpanija Zarb Coaches flimkien mal-Malta Public Transport.
Permezz ta’ dawn il-pannelli solari l-vetturi se jkunu qed jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ CO2 u se jiffrankaw litri ta’ diesel kull sena.
Fil-fatt, huwa mistenni li permezz ta’ dawn il-pannelli solari, il-konsum tad-diesel jonqos bi 8-10% fis-sena u għal kull kWh mistenni li se jkun qed jiġi frankat litru ta’ diesel filwaqt li għal kull litru diesel mistenni li jiġi frankat kważi 2.7kg ta’ emissjonijiet ta’ CO2.
Dan ifisser li fuq skala annwali mistenni li jiġi frankat 1000 litru ta’ diesel li allura jammonta għal tnaqqis ta’ 2,680kg ta’ emmisjonijiet ta’ CO2.
Dwar dan il-proġett pilota ONE News tkellem mad-Direttur Maniġerjali tal-Malta Public Transport Konrad Pule.
“L-idea hija li nużaw ix-xemx li għandna f’Malta mhux ħażin biex inżidu ftit iktar is-saħħa li hemm li flok jużaw l-alternator tal-magna jużaw iktar il-battery tal-karozza b’mod sostenibbli,” tenna s-Sur Pule.
Intant id-Direttur Maniġerjali ta’ Zarb Coaches Manuel Zarb sostna l-impenn tal-kumpanija li dan il-proġett jiġi attwat fuq il-flotta kollha anke permezz ta’ għajnuna mill-Gvern.
Is-Sur Zarb qal “Nixtiequ li nagħmluhom kollha però dawn huma expensive u jekk il-Gvern jista’ jgħinu u jtina sussidju beħsiebna nagħmluhom kollha.”