Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, flimkien ma’ Project Green, ħabbar l-estensjoni tal-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa, permezz ta’ sejħa għall-offerti għal xogħlijiet, li se jirrestawra żona biswit, li attwalment ma tintużax, u tiġi ttrasformata fi spazju ieħor miftuħ għall-komunità.
Fi żmien Gvernijiet preċedenti, iż-żona kollha fejn hemm il-park illum kienet tintuża biss biex jinżammu fiha l-kontejners, iżda permezz ta’ Project Green inbidlet f’żona ħadra għall-familji u t-turisti minn Marzu tas-sena l-oħra.
Issa l-estensjoni ta’ madwar sebat elef metru kwadru, se twassal għat-tħawwil ta’ madwar 150 siġra oħra u pavimentar ġdid, waqt li se jiġu inkluż faċilitajiet sanitarji u kamra tas-sigurtà.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru responsabbli, Miriam Dalli, qalet li hu ta’ sodisfazzjon li tara dan il-park trasformat għal post akbar b’faċilitajiet li jkunu jistgħu jitgawdew minn kulħadd.
‘Nieħu gost nara li biċċa art, li taħt amministrazzjonijiet preċedenti kienet immirata biex fiha jkun hawn storage tal-kontejners, illum il-ġurnata mhux talli bdilniha f’park, talli qegħdin naraw li tiġi estiża ferm aktar, ħalli toffri aktar faċilitajiet lill-familji u lil dawk kollha li jkunu qegħdin iżuru din iż-żona.’’
Il-Ministru Miriam Dalli
Fil-preżenza wkoll ta’ rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, il-Perit Beverly Costa, Chief Operations Officer ta’ Project Green, spjegat iżjed dwar dak li se jkun qed jinvolvi l-proġett.
“Se nkunu qegħdin nintroduċu playscapes għal età daqsxejn żgħira, kif ukoll se nħawlu madwar 150 siġra indiġena u żewġ siġriet tal-Ficus, li se jagħtu sens ta’ kulur. Ma’ din il-proposta wkoll se nkunu qegħdin nagħmlu amenity block li se jkollu security u store room kif ukoll public convenience.”
Beverly Cost – COO, Project Green
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, permezz tal-entitajiet fi ħdanu, diġà rriġenera numru ta’ spazji miftuħa, tisbiħ ta’ ġonna pubbliċi u dog parks ġodda f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna.
Dan filwaqt li għaddejjin it-tħejjijiet fuq proġetti ta’ tħaddir f’lokalitajiet oħrajn, inkluż f’Santa Luċija, il-Mellieħa, Ħal Lija, Ħal Luqa u Ħal Kirkop.