Il-Gvern ħabbar proġett ambjentali ġdid li se jservi ta’ pulmun aħdar fil-qalba ta’ Ħal Qormi b’investiment ta’ aktar minn €1 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità ta’ l-Artijiet u GreenServ sabiex ikun jista jitwettaq dan il-proġett u oħrajn bħalu.
Dan il-proġett li mistenni jitlesta sa April li ġej se jinkludi t-tħawwil ta’ siġar u pjanti aromatiċi li se jħaddru, jiffriskaw u jipprovdu dell f’żona traffikuża, twaħħil ta’ numru ta’ bankijiet, tibdil tal-istorm water culvert, l-bini ta’ korsa tal-ġiri ta’ mitejn metru mad-dawra tal-proġett, parkeġġ żgħir li se jżid in-numru ta’ spazji għall-karozzi u titjib fl-aċċessibiltà kemm għall-mixi u anke għall-karozzi.
Dwar dan u aktar ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca.
“Se tkun qed tissaqqaf biċċa mill-wied ta’ Ħal Qormi. Huwa wied ikkaratterizzat minn ambjent griż mill-konkos. Fuq issa se jkun hemm spazzju fejn se jkunu jistgħu jsiru diversi użi rikrejattivi kkaratterizzati minn ambjent aħdar. Jiġifieri aħna nħarsu ’l quddiem li sal-aħħar ta’ din is-sena jibdew ix-xogħlijiet biex umbagħad is-sena d-dieħla jkun qed jitlesta dan il-proġett u area li llum ma tistax tintuża ħa tkun qed tingħata lin-nies.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia tenna li dan huwa proġett ieħor immexxi mill-GreenServ li se jkun qed joħloq spazju miftuħ u aħdar f’żona sinonima mat-traffiku bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti li joqogħdu f’din iż-żona urbana.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna wkoll l-importanza tal-fondi tal-NDSF. Dan hekk kif investiment totali ta’ €4.5 miljun mill-istess fond, qed isarraf fi proġetti ta’ tħaddir fil-Ħamrun, fil-Mosta, f’Ħal-Qormi u f’Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri rrimarka li anke permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern qed ikompli jimpenja ruħu favur aktar tiġdid aħdar f’pajjiżna li anke fuq livell ekonomiku se jeħodna fuq il-livell li jmiss.